Jippolitiċizza mozzjoni tal-Oppożizzjoni dwar id-drittijiet tal-pazjenti u jressaq emenda li baqa’ jbiddel anke waqt id-dibattitu fil-Parlament
L-Oppożizzjoni tilqa’ kull tip ta’ investiment u inizjattivi fis-settur tas-saħħa iżda twissi lill-Gvern li ma jistax jidħak bil-poplu u jirrepeti l-istorja tinten meta minn wara dahar il-poplu ftiehem mal-kumpanija tal-istat Ċiniż dwar is-settur tal-enerġija. Wissiet li jekk il-poplu ħafer għall-mod xejn trasparenti li mexa bih fis-settur tal-enerġija, ma jaħfirx dwar is-settur tas-saħħa li fl-investiment li ħabbar il-Gvern hemm ħafna similaritajiet mal-istorja tal-bini ta’ power station ġdida.
Storja sabiħa li tixtieq temmen, iżda li tinten bħal dik tal-power station
Ix-Shadow Minister għas-Saħħa Claudette Buttigieg fi tmiem id-dibattitu fil-Parlament dwar il-mozzjoni li ressqet l-Oppożizzjoni biex jiddaħħal il-prinċipju li pazjent ikun jista’ jagħżel li jagħmel l-intervent mediku fil-privat lokalment, irrimarkat li l-istorja li ppreżenta l-Gvern illum dwar l-iżviluppi ppjanati li jitwettqu fis-snin li ġejjin għas-settur tas-saħħa, hi sabiħa u tixtieq temmen, iżda li fil-prattika, u dwar il-mod li ppreżentaha l-Gvern u tkellem dwarha l-Prim Ministru, hemm ħafna dubji serji.
Storja li fiha ssemmew għal darb’oħra miljuni kbar u li tinten bħalma kienet l-istorja wkoll b’ħafna suspetti marbuta mal-investiment f’power station ġdida li suppost lesta u lanqas ġebla s’issa għad m’hemm.
Investiment diġà konkluż?
Staqsiet jekk l-investiment li ħabbar il-Prim Ministru għas-settur tas-saħħa ta’ €200 miljun, hux diġà f’idejn il-Gvern għaliex bil-mod kif tkellem ta l-impressjoni li l-investiment diġà konkluż, li jaf ma’ min se jkun qiegħed jinnegozja fl-istess nifs li ħabbar ukoll u li se tinħareġ espressjoni ta’ interess.
Fool me once shame on you, fool me twice shame on me!
Claudette Buttigieg qalet li din hi storja li diġà rajniha sseħħ quddiem għajnejna fis-settur tal-enerġija, u issa l-Gvern mhux se jirnexxielu jidħak bil-poplu t-tieni darba hekk kif fakkret lill-Ministru Konrad Mizzi li kien quddiemha fid-dibattitu parlamentari fl-idjoma ta’ “fool me once shame on you, fool me twice shame on me!”
PL li kien tkaża dwar taħditiet mal-Isptar St Philip’s
Quddiem il-ftaħir tal-Gvern illum li se jkun qiegħed iwettaq dan l-iżvilupp fis-settur tas-saħħa flimkien ma’ investituri privati, Claudette Buttigieg sejħet il-pożizzjoni li kien ħa l-Partit Laburista qabel l-elezzjoni dwar it-taħditiet ta’ Gvern Nazzjonalista ma’ investituri privati dwar l-Istar St Philip’s, bħala tal-mistħija. Partit Laburista li kien tkaża u beżża’ meta llum biddel id-diska u qiegħed hu jagħmel negozjati mal-privat.
Fakkret lill-Partit Laburista tal-lum li Gvern Nazzjonalista qatt ma warrab lit-tobba jew iġġieled magħhom, u m’għalaqx sptarijiet privati kif għamlu gvernijiet Laburist tal-passat.
Meta introduċiet il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni, ix-Shadow Minister Claudette Buttigieg qalet li l-Oppożizzjoni temmen li l-isptarijiet privati li joffru servizzi tas-saħħa għandhom jitqiesu bħala sħab fis-sistema tas-saħħa u jkollhom rwol ewlieni kemm fit-tfassil kif ukoll fit-twettiq tal-politika tas-saħħa ta’ pajjiżna.
Appella għat-trasparenza u għall-informazzjoni
Filwaqt li tilqa’ dak li ħabbar illum il-Gvern għall-futur tas-settur tas-saħħa f’pajjiżna, appellat għat-trasparenza u għall-informazzjoni li fl-aħħar sentejn kienu neqsin ħafna minn dan il-Gvern.
Il-mozzjoni kienet ippreżentata minn Claudio Grech f’Mejju tas-sena l-oħra meta hu kien il-kelliem għas-settur tas-saħħa; u mill-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni Mario de Marco. Mozzjoni li turi kemm il-PN għandu s-saħħa tal-poplu għal qalbu u li anke mill-Oppożizzjoni l-PN qed tagħmel id-differenza.
Claudette Buttigieg fissret li hu importanti li llum il-poplu jserraħ rasu fuq dak li jrid iwettaq il-Gvern. L-Oppożizzjoni trid li fejn pazjent mhux qed jinqeda fis-servizz tas-saħħa pubblika għandu rimedju li jfittex il-kura fil-privat bis-saħħa tad-Direttiva tal-Unjoni Ewropea.
Semmiet ukoll li hawn madwar 15,000 pazjent jistenna xi tip ta’ intervent u operazzjoni, li terz minnhom ilhom jistennew aktar minn sena biex isirilhom l-intervent.
Mozzjoni tal-Oppożizzjoni li tpoġġi fiċ-ċentru d-drittijiet u d-dinjità tal-pazjent
Claudette Buttigieg qalet li l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni tpoġġi fiċ-ċentru assolut tagħha d-drittijiet u d-dinjità tal-pazjent. Mozzjoni qed tiġi diskussa f’ġurnata fejn l-Oppożizzjoni u l-Gvern qed itellqu dwar kif għandu jingħata l-aħjar servizz lill-poplu.
Fissret li gvernijiet Nazzjonalisti nidew inizjattivi u public private partnerships fuq servizzi tal-emerġenza u għall-operazzjonijiet tal-katarretti fost l-oħrajn, u għaldaqstant hu ċar fejn hi l-politika tal-PN dwar is-saħħa f’ambitu ta’ servizz tas-saħħa nazzjonali b’xejn.
Claudette Buttigieg fissret li l-Gvern u l-Oppożizzjoni jaqblu dwar l-istrateġiji fejn jidħol l-interess tal-pazjent. Semmiet kif fuq inizjattiva ta’ Claudio Grech twaqqaf il-Kumitat Permanenti għas-Saħħa li wkoll qed iħalli l-frott mixtieq.
Fakkret fit-twaqqif tal-Grupp Parlamentari dwar id-Dijabete li fuq inizjattiva tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qed jagħmel xogħol importanti taħt it-tmexxija ta’ Godfrey Farrugia. Mill-Oppożizzjoni qed issir id-differenza b’liġi wkoll li ġiet ippreżentata fil-Parlament biex tindirizza l-problemi tal-obesità.
Fil-mozzjoni li ppreżentat, l-Oppożizzjoni qed timxi mad-Direttva Ewropea u ssejjaħ għal mekkaniżmu li jiggwadanja minnu kulħadd, l-aktar il-pazjent.
B’riferenza għal dak li ħabbar il-Gvern għall-qasam tas-saħħa fil-ġurnata tad-dibattitu dwar il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni fil-Parlament, Claudette Buttigieg ressqet diversi mistoqsijiet lill-Gvern.
Il-Gvern ftiehem diġà minn wara dahar kulħadd?
Staqsiet jekk il-Gvern ftiehemx diġà minn wara dahar kulħadd bħalma għamel mal-kumpanija tal-istat Ċiniż dwar is-settur tal-enerġija, u qed jitħabbar illum lejlet l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali meta lanqas għadha ħarġet sejħa ta’ interess għal dan l-investiment.
Staqsiet jekk il-Partit Laburista ltaqax mal-investituri privati qabel l-elezzjoni jew wara l-elezzjoni. Meta ltaqa’ l-ewwel darba magħhom u ma’ min iltaqa’?
Staqsiet ukoll jekk din hiex is-soluzzjoni għall-problemi kollha fis-settur tas-saħħa, u li wara tant żmien jgħid li kellu roadmap illum hi sorprendenti li dar fuq il-privat għal soluzzjoni.
Appellat lill-Gvern biex ikun ċar mal-poplu, mal-ħaddiema fis-settur u mal-unions. Staqsiet ukoll jekk dan l-investiment ifissirx il-privatizzazzjoni tas-settur tas-saħħa. Irrimarkat ukoll li l-unions jidher li ma kinux ikkonsultati fuq dan il-proġett u għadhom fl-għama bit-tama li l-Gvern jitfa’ dawl aktar fuq dak li ħabbar.
Staqsiet ukoll jekk biex iwettaq il-proġett f’Għawdex u f’San Luqa, il-Gvern hux se jkollu jimpjega professjonisti mediċi barranin. Staqsiet ukoll jekk il-privatizzazzjoni se tkunx totalment dipendenti fuq il-Gvern u fuq il-Maltin, u x’għandu f’moħħu l-Gvern fuq il-health tourism.
Tkellmet ukoll dwar il-ftehim imħabbar mal-Iskola Medika tal-Università ta’ Barts, u staqsiet xi kriterji qiegħed jintrabat magħhom il-Gvern meta nafu li din l-iskola medika trid sptar b’numru konsiderevoli ta’ pazjenti biex tħarreġ l-istudenti tagħha. Dan meta nafu li l-Isptar Mater Dei se jkun u jibqa’ biss għad-dispożizzjoni tal-Iskola Medika tal-Università ta’ Malta. Ikunu meħtieġa wkoll ħafna aktar tobba, infermiera, speċjalisti u professjonisti oħra fil-qasam mediku.
Staqsiet ukoll li kieku l-Gvern ma ħabbarx l-investiment ta’ mitejn miljun, Barts kinux se jiġu Malta.
L-eks-Ministru Godfrey Farrugia beda l-passi lejn il-ftehim ma’ Barts
Fl-għeluq tad-dibattitu, Claudette Buttigieg talbet lill-Gvern jirrikonoxxi l-ħidma importanti li tkellem dwarha fid-dibattitu d-Deputat Laburista Godfrey Farrugia li bħala Ministru għas-Saħħa fil-bidu ta’ dan il-Gvern Laburista, flimkien mal-Ministru Evarist Bartolo, kien hu li għamel l-ewwel passi u wassal għat-taħditiet mal-Università mir-Renju Unit.
Godfrey Farrugia, qal li hu kburi llum li qed jara sseħħ ħolma li dejjem ħolom għas-settur tas-saħħa f’pajjiżna, bix-Shadow Minister tappella lill-Gvern biex jirrikonoxxi din il-ħidma u mhux jinjoraha.
Kważi sena biex tressqet mozzjoni tal-Oppożizzjoni
Claudette Buttigieg irrimarkat ukoll li hi ħasra li l-Oppożizzjoni damet kważi sena biex rat din il-mozzjoni tiġi diskussa fil-Parlament, u fissret kif l-aspett negattiv illum ġej mill-Gvern għaliex fuq is-settur tas-saħħa li hawn qbil li rrridu nimxu fuq l-istess direzzjoni, il-Gvern wera fil-Parlament li jrid ukoll jippolitiċizza l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni.
Ikkritikat kif il-Gvern ressaq emenda għall-mozzjoni minkejja li l-Gvern stess irrimarka u ftaħar li l-istess prinċipju li pproponiet l-Oppożizzjoni fil-mozzjoni hu dikjarat mill-istess Partit Laburista fil-manifest elettorali tiegħu.
Il-Gvern ippolitiċizza l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni
Gvern, ikkritikat Claudette Buttigieg, li dawwar il-mozzjoni u ppolitiċizzaha permezz ta’ emenda li l-Gvern baqa’ jbiddel anke waqt li kien għaddej id-dibattitu fil-Parlament. Claudette Buttigieg qalet li dan il-Gvern ma jistax jiċħdu għaliex anke l-preżentazzjoni tal-emenda tal-Gvern hi bi stili ta’ kliem u kitba differenti.
Ix-Shadow Minister iddikjarat li madanakollu, u minkejja l-mod kif tkellmu kelliema tal-Gvern li attakkaw il-ħidma tal-amministrazzjoni Nazzjonalista, dan ma jfissirx li l-Oppożizzjoni se tivvota kontra. Appellat lill-Gvern jieqaf jipprova jagħmel nasba wara oħra lill-Oppożizzjoni.
Fid-dibattitu tkellmu għan-naħa tal-Gvern il-Ministru Konrad Mizzi, is-Segretarju Parlamentari Chris Fearne u d-Deputat u eks-Ministru tas-Saħħa Godfrey Farrugia. F’isem l-Oppożizzjoni tkellmu wkoll id-Deputati Nazzjonalisti David Agius, u Frederick Azzopardi.
//= $special ?>