Edukazzjoni Lokali

Filmat: Il-qari hu parti mill-bażi tal-Edukazzjoni – Simon Busuttil b’appell lit-tfal biex jitgħallmu

Il-qari hu parti mill-bażi tal-Edukazzjoni u għalhekk hu importanti li t-tfal jitgħallmu u jidraw iħobbu jaqraw. Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt żjara li għamel fl-Iskola Primarja Saint Francis ta’ Birkirkara.

Matul iż-żjara, Simon Busuttil iltaqa’ mal-Għalliema, is-Sorijiet li jmexxu l-Iskola u fuq kollox iltaqa’ mat-tfal. Preżenti għal din iż-żjara kien hemm ix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni Therese Comodini Cachia u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Bikrija u Obbligatorja George Pullicino.

L-istudenti tas-Saint Francis kellhom l-opportunità li jitkellmu mal-Kap tal-Oppożizzjoni, li min-naħa tiegħu, biex wassal il-messaġġ ta’ kemm hu importanti l-qari, qara hu stess storja żgħira u spjegalhom kif wara kull storja li jaqraw dejjem se jsibu tagħlima.

Wara, flimkien mas-Shadow Minister Therese Comodini Cachia, Simon Busuttil qassam madwar 130 ktieb lit-tfal. Huma rreċiprokaw billi awgurawlu, hekk kif il-Ġimgħa li ġej jagħlaq sninu. Hu ppreżenta wkoll kotba lil-Librerija tal-Iskola biex jitgawdew mill-istudenti.

F’kummenti lill-media, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rringrazzja lill-Amministrazzjoni tal-Iskola, immexxija minn Sr Giovanita Briffa, talli flimkien mal-Għalliema jippreparaw lit-tfal b’tant dedikazzjoni u b’tagħlim li jiggwidahom tul ħajjithom.