Lista ta’ 21 każ ta’ ħabi li turi Gvern mhux ġenwin u li t-tajjeb qed jgħidlu ħażin u l-ħażin għalih sar tajjeb
Ix-Shadow Minister Nazzjonalista Jason Azzopardi elenka lista ta’ 21 każ li jħammar wiċċ il-Gvern għal mod kif li qiegħed jaħbi materji fil-politika li huma ta’ interess nazzjonali. Gvern li t-tajjeb sar jgħid li hu ħażin u l-ħażin sar tajjeb hekk kif ir-regola saret l-iskandlu.
Meta tkellem illejla fil-Parlament, ix-Shadow Minister Jason Azzopardi għamel elenku dettaljat fejn il-Gvern qed ikun tassew l-aħjar fl-Ewropa għall-ħabi u l-ingann.
L-iskandlu tal-Cafè Premier u tas-SOCAR
Ħabi għaliex wara sentejn fil-Gvern, l-esperjenza ta’ dan il-Gvern qed turi li dan hu gvern li tassew għandu x’jaħbi bl-aħħar skandli li ħarġu fil-beraħ fil-każ tal-iskandlu tan-negozju li sar fil-bejgħ tal-Cafè Premier; u fid-direzzjoni li ta l-Gvern biex jinxtara ż-żejt mal-kumpanija mill-Ażerbajġan, SOCAR.
Jason Azzopardi fisser li dawn kienu kuntratti li l-Gvern prova jaħbi u jostor mill-poplu iżda li nkixfu u sabu l-kundanna tal-Awditur Ġenerali u tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika. Jason Azzopardi sfida għal darb’oħra lill-Prim Ministru jippubblika l-file tad-Dipartiment tal-Artijiet fl-iskandlu tal-Cafè Premier.
Ma’ dawn, Jason Azzopardi semma lista ta’ kuntratti, inkjesti u rapporti li l-Gvern ħeba u għadu jaħbi sal-lum b’nuqqas kbir ta’ rispett lejn il-poplu li fisser li qiegħed jinduna bil-mod kif dan il-Gvern qiegħed jingannah.
Kuntratti moħbija dwar is-settur tal-enerġija
Semma lista twila ta’ kuntratti li l-Gvern żamm moħbija relatati mas-settur tal-enerġija u l-bini tal-power station. Ewlieni fost dawn hemm dak iffirmat max-Shangai Electric dwar ix-xiri tal-impjant tal-BWSC, il-bidla tal-impjant għall-gass u kemm il-kumpanija Ċiniża se tkun obbligata tħallas għall-bidla fl-impjant għall-gass, l-ammont ta’ enerġija li l-impjant se jiġġenera u b’liema prezz l-Enemalta se tixtri l-elettriku.
Semma wkoll il-ħabi ta’ aktar kuntratti – dak iffirmat mal-Electrogas u dwar l-art għas-sit tal-bini tal-power station li suppost diġà nbniet fl-ewwel sentejn ta’ dan il-Gvern. Il-kuntratt li dan l-aħħar ukoll kien żvelat biex il-gvern għadda art tal-Enemalta bi prezz issussidjat.
Staqsa wkoll dwar in-nuqqas ta’ informazzjoni li jibqa’ l-Gvern ma jagħtix b’rabta ma’ direct order fil-bini tal-power station il-ġdida li jeċċedu mijiet ta’ eluf, b’waħda minnhom kienet ta’ aktar mnn €200,000 lil kumpanija ta’ inġiniera u periti.
Ħabi ta’ klawsoli fil-kuntratt dwar il-bejgħ taċ-ċittadinanza
Eżempju ta’ ħabi ieħor, kompla jelenka Jason Azzopardi, kien il-kuntratt tal-Gvern ma’ Henley & Partners, li minnu l-Gvern se jdaħħal il-miljuni mill-bejgħ taċ-ċittadinanza. Kuntratt li jobbliga l-kummerċ u n-negozju li l-istess kumpanija barranija se tkun qed iddaħħal il-flus minn fuq pajjiżna u minn fuq Prim Ministru li qiegħed iservi ta’ salesman tal-passaport Malti. Kuntratt li l-Gvern jibqa’ jaħbi klawsoli importanti.
Il-Gvern baqa’ wkoll ma ppubblikax ir-rapport tal-onorarja kkummissjonat mill-Prim Ministru. Dan minkejja l-kampanja li għamel qabel l-elezzjoni dwar l-onorarja. Rapport imħejji mill-Ombudsman, mill-Kummissjoni Elettorali Ewlieni u mill-Awditur Ġenerali, u li baqa’ wkoll mhux ippubblikat.
Kuntratti bejn il-GWU u Transport Malta u l-ARMS
Hemm ukoll il-kuntratti li fihom hemm involuta l-General Workers’ Union (GWU). Il-Gvern baqa’ jaħbi n-negozju li sar mill-GWU u Transport Malta għall-kiri tal-A3 Towers li joqrob mijiet ta’ eluf fis-sena.
Kuntratt ieħor kien dak bejn il-GWU u l-ARMS fuq bini li jmur kontra riżoluzzjoni tal-Parlament li tgħid li l-GWU ma tistax tikri l-bini jekk mhux lil kumpanija li fiha jkollha ishma hi stess.
Inkjesti moħbija
Semma wkoll l-inkjesta fi żmien l-ewwel Kummissarju tal-Pulizija li ħatar dan il-Gvern, Pietru Pawl Zammit li kien waqqaf u irtira proċeduti kriminali dwar inċident fl-Għassa ta’ Ħaż-Żabbar. Minkejja li l-inkjesta tlestiet u minkejja l-wegħda li se tkun ippubblikata, il-Gvern baqa’ ma ppubbikax, bl-Oppożizzjoni kostretta tressaq mozzjoni dwar dan fil-Parlament.
Fakkar ukoll fir-rapport tal-kumitat tekniku dwar il-concession tal-Casino li baqa’ wkoll mistur.
Promozzjonijiet fl-armata biex inħatar Brigadier ġdid
L-elenku ta’ każijiet tal-mistħija ta’ dan il-Gvern ikompli bin-nuqqas ta’ pubblikazzjoni tal-Order of Merit dwar l-eżerċizzju ta’ promozzjonijiet fl-armata li sar fl-2013 biex inħatar Brigadier ġdid.
Il-każ tal-ħarba ta’ vapur maqbud b’ordni tal-Qorti
Każ ieħor li l-inkjesta dwaru baqgħet mistura tratta l-misteru meta f’Mejju li għadda vapur kbir maqbud b’ordni tal-Qorti ħarab minn pajjiżna. Xahrejn wara ħarab vapur ieħor u dwar dan il-każ lanqas inkjesta ma saret.
Direct order ta’ €27,000
Semma każ ieħor żvelat, dak marbut mal-kumpanija Tec Limited, kumpanija li għandha monopolju mal-partit ta’ ‘Tagħna Lkoll’ li ngħatat direct order ta’ €27,000 biex saret ikla fil-Girgenti.
Ikkritika wkoll lill-Gvern li qed jaħbi l-informazzjoni meta ma jweġibx mistoqsijiet parlamentari tal-Oppożizzjoni, bħalma huma l-mistoqsijiet dwar il-ħatriet fuq il-mertu ta’ persons of trust, b’ħafna mill-Ministri tal-Kabinett, inkluż il-Prim Ministru, ma jridux jippubblikaw l-informazzjoni.
25 biss il-Qorti mill-elf li qal li huma involuti fl-iskandlu tal-ismart metres
Irrifera wkoll għall-iskandlu tal-ismart metres li l-poplu ngħata x’jifhem li kien hemm aktar mnn elf persuna involuti fit-tbagħbis ta’ dawn il-metres, bil-Gvern iressaq 25 biss il-Qorti mill-elf li qal li huma involuti u li l-Gvern qal li kien jaf min huma. Skandlu ieħor fih innifsu.
Jaħbi l-ftehim mal-Autobuses de Lyon
Kuntratt ieħor mhux pubblikat hu dak mal-Autobuses de Lyon, bil-Ministru jgħid ħafna iżda mhux meta se jippubblika l-kuntratt. Dan minkejja li l-Ministru Joe Mizzi kien wiegħed li se jippubblika kif jibda jiltaqa’ l-Parlament fl-ewwel seduta ta’ din is-sena l-ġdida, f’Jannar li għadda.
Ebda apoloġija dwar il-każ ta’ Darryl Luke Borg
L-aħħar eżempju tal-mistħija li fuqu biss Jason Azzopard saħaq li l-Gvern tilef il-kredenzjali kollha demokratiċi li qatt seta’ kellu, kien dak marbut mal-każ ta’ Darryl Luke Borg li tressaq bi żball il-Qorti u ntbagħat il-ħabs. Inkjesta wkoll li ma kinitx ippubblikata iżda li kienet żvelata mill-gazzetta il-mument. Każ li l-Gvern baqa’ ma talab ebda apoloġija u skuża bir-riżultat tal-inkjesta tagħti raġun għall-kritika u l-insistenza li għamlet l-Oppożizzjoni biex toħroġ il-verità dwar dan il-każ.
Jason Azzopardi qal li quddiem din l-imġiba tal-Prim Ministru u tal-Ministri u l-gvern tiegħu, in-nies qed tirrealizza li dan il-gvern mhux ġenwin.
//= $special ?>