Ħames kirjiet u konċessjoni mingħajr sejħiet għall-offerti
Il-kumpanija Gozo Channel approvat hi ħames kirjiet u konċessjoni fit-terminal taċ-Ċirkewwa u fit-terminal tal-Imġarr. L-approvazzjoni saret mill-Bord tad-Diretturi mingħajr sejħiet għall-offerti. Fost dawn kien hemm il-kirja tal-kafetterija tat-terminal tal-Imġarr.
Dan irriżulta minn mistoqsija li għamel ix-Shadow Minister għal Għawdex Chris Said lill-Ministru għal Għawdex Anton Refalo.
Chris Said staqsa x’kirjiet jew konċessjonijiet tat il-kumpanija Gozo Channel fit-terminal taċ-Ċirkewwa u fit-terminal tal-Imġarr; kif ingħataw dawn il-kirjiet jew konċessjonijiet; min ingħata dawn il-kirjiet jew konċessjonijiet; u kemm hu l-ħlas li qed isir.
Il-Bord tad-Diretturi approva l-kirja tal-kafetterija fit-terminal tal-Imġarr filwaqt li ħareġ sejħa għall-offerti għall-kirja tal-kafetterija fit-terminal taċ-Ċirkewwa. Iż-żewġ kirjiet ingħataw lil Good Earth (Retail) Limited għal €276,119 għal perjodu ta’ erba’ snin għall-kirjiet tal-kafetteriji fiż-żewġ terminals taċ-Ċirkewwa u l-Imġarr.
Għat-terminal taċ-Ċirkewwa, il-Bord tal-Gozo Channel approva wkoll kirja ta’ uffiċċju lil Malta Public Transport għal €13,500 fis-sena; kirja għal reklamar lil Island Scene Ltd għal €240 fis-sena; u konċessjoni għal vending machines b’kummissjoni ta’ 10% fuq il-valur tal-bejgħ.
Għat-terminal fl-Imġarr, il-Bord approva wkoll kirja għal ATM tal-Malta Public Transport għal €1,500; u kirja għal ATM oħra lill-Bank of Valletta għal €5,922 fis-sena.
Aiken Services Ltd ingħatat b’sejħa għall-offerti kirja fit-terminal taċ-Ċirkewwa għal reklamar għal perjodu ta’ erba’ snin bi ħlas ta’ €40,300.
Fit-terminal fl-Imġarr, il-Koperattiva tal-Coaches f’Għawdex ingħatat b’sejħa għall-offerti tliet booths b’kirja ta’ €3,520, €5,120, u €7,120 fis-sena; il-United Garage Ltd ingħata booth għal kirja ta’ €3,600 fis-sena; Josmar Farrugia għal kirja ta’ booth għal €3,310 fis-sena; u Lepeirks Travel Ltd ingħatat b’kirja booth għal ħlas ta’ €4,100 fis-sena.
Kirja għal reklamar fit-terminal tal-Imġarr ingħata b’sejħa lil Aiken Services Ltd bi ħlas ta’ €19,900 għal erba’ snin.
Il-Ministru Refalo ma poġġiex fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti ta’ kirjiet u konċessjonijiet li tat il-Gozo Channel.
//= $special ?>