Kunsilli Lokali Lokali

Il-Kunsilli Lokali għandhom jagħmlu d-differenza fil-ħajja tar-residenti – Beppe Fenech Adami

Il-Kunsilli Lokali għandhom jagħmlu differenza fil-ħajja tar-residenti. U din il-ħidma hi riflessa fit-tema li l-Partit Nazzjonalista għażel għall-kampanja li se twassal għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali tal-11 ta’ April li ġej. Dan qalu l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit Beppe Fenech Adami waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret ħdejn is-Salib tal-Għolja fis-Siġġiewi.

Min-naħa tiegħu, is-Sindku tas-Siġġiewi Karol Aquilina qal li l-Kunsill Lokali dejjem ħadem għall-ġid tas-Siġġiwin, mhux biss dawk li jgħixu fiċ-ċentru, iżda wkoll dawk li jgħixu fil-periferija tal-lokal bħalma huma l-inħawi tas-Salib tal-Għolja.

Din iż-żona tranġat grazzi għal fondi li l-Kunsill Lokali mmexxi minn maġġoranza Nazzjonalista kiseb mill-Unjoni Ewropea. Il-proġett jinkludi l-pavimentar taż-żona, ir-restawr tal-ħitan tas-sejjieħ, il-bini mill-qiegħ ta’ partijiet mit-toroq li kienu fil-periklu li jaqgħu, ir-rijabilitazzjoni tas-sit bejn il-Kappella tal-Lunzjata u s-Salib tal-Għolja u t-tisbiħ taż-żona. Dan il-proġett sewa €330,000.

Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista David Agius u l-Kandidati għall-elezzjoni tal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi. David Agius tkellem dwar il-Fond ta’ €1 miljun tal-Gvern allokat għall-Kunsilli Lokali, fejn qal li għandu dubju dwar jekk il-Fond intefaqx sew. Sostna li fil-jiem li ġejjin, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jara kemm verament il-flus f’dan il-Fond tqassmu b’ġustizzja mal-Kunsilli Lokali kollha.

Sadanittant, ftit wara l-konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista, fl-istess post saret konferenza tal-aħbarijiet mill-Partit Laburista. Din kien immexxija mis-Segretarju Parlamentari Ian Borg u mis-Segretarju tal-Eżekuttiv tal-Partit Laburista Lydia Abela, li tkellmu dwar kif Gvern Laburista żamm il-wegħda tiegħu li jtejjeb spazji pubbliċi biex jitgawdew mill-pubbliku.