Impjiegi minn barra s-settur pubbliku biex iservu liċ-Chairmen tal-awtoritajiet fil-Ministeru ta’ Dalli
Il-Ministru Helena Dalli kkonfermat li kienu approvati fuq il-mertu ta’ persons of trust, ħames impjiegi fil-Ministeru tagħha bħala xufiera taċ-Chairpersons li jaqgħu fid-dekasteru tal-Ministeru tagħha.
Dan ikkonfermatu meta irreaġixxiet għal intervent li sar mid-Deputat Nazzjonalista Robert Arrigo li fil-Parlament din il-ġimgħa kompla jiżvela informazzjoni li qed jaħbi l-Gvern. Robert Arrigo żvela kif mal-Ministru Helena Dalli kienu approvati l-impjiegi ta’ ħames xufiera fuq il-mertu ta’ persons of trust.
Il-Ministru Dalli wieġbet fil-Parlament li x-xufiera mhumiex magħha personalment iżda biex iservu bħala xufiera maċ-Chairmen tal-entitatjiet u l-awtoritajiet li jaqgħu fil-Ministeru tagħha.
Din il-konferma tal-Ministru Helena Dalli, li kienu impjegati ħames xufiera fuq il-mertu ta’ persons of trust, tkompli tikkonferma l-argument tal-Oppożizzjoni, u tad-Deputat Nazzjonalista Robert Arrigo li kkritika l-mod kif dan il-Gvern b’dawn il-ħatriet u impjiegi, qed ikomplu jkabbru u jnefħu l-ispiża tas-salajri fis-settur pubbliku.
Robert Arrigo kien staqsa wkoll jekk dawn l-impjiegi setgħux instabu minn ġewwa s-settur pubbliku mingħajr il-ħtieġa li jiġu impjegati aktar nies minn barra s-settur pubbliku li f’dawn l-aħħar sentejn kompa jikber u mhux jonqos. Is-settur pubbliku llum ilaħħaq madwar 40,000 impjieg.
Din il-ġimgħa wkoll fil-Parlament, għall-mistoqsija tal-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni għall-Ħidma fil-Parlament, Mario de Marco, il-Ministru Carmelo Abela kkonferma li kien impjegat dog handler fuq il-mertu ta’ position of trust.
Id-Deputat Nazzjonalista Robert Arrigo spjega fil-Parlament li minn kalkolu li għamel, jirriżulta li l-ispiża fuq dawn il-ħatriet tal-Gvern tista’ titla’ sa €70 miljun f’ħames snin, jew bejn €14-il miljun u €15-il miljun fis-sena.
//= $special ?>