Internazzjonali

Ilmenti akbar dwar l-abbużi u ż-żieda fil-prezzijiet fl-Ażerbajġan

Numru qed jiżdied ta’ Ażeri qed jilmentaw u jipprotestaw fil-miftuħ dwar l-iżvalutar riċenti tal-kambju u d-diversi effetti negattivi ta’ dan il-pass fuq il-kundizzjonijiet tal-għajxien f’pajjiżhom.

Il-protesti ħadu spinta ftit aktar minn 80 jum qabel il-Logħob Ewropew li se jkunu organizzati f’Baku; b’numru akbar ta’ individwi u gruppi qed jitkellmu wkoll kontra l-abbużi sfaċċati kontra d-drittijiet umani fl-Ażerbajġan.

Fi Frar li għadda, il-Bank Ċentrali tal-Ażerbajġan iddeċieda li jiżvaluta l-manat (il-kambju tal-Ażeri) b’reazzjoni għat-tnaqqis fil-prezzijiet taż-żejt.

Madwar 70 fil-mija mid-dħul tal-Gvern immexxi mill-President Ilham Aliyev ġej mill-esportazzjoni taż-żejt, iżda l-politika tal-Bank Ċentrali wassal għal żidiet sinifikattivi fil-prezzijiet u l-ispejjeż tal-ħajja. Dan fost l-għadab tal-poplu Ażeri li fi tmiem il-ġimgħa esprima r-rabja tiegħu waqt dimostrazzjoni fl-istadium ta’ Mashul, f’Baku.

Kelliema għall-Kunsill Nazzjonali tal-Qawwiet Demokratiċi fl-Oppożizzjoni qed jgħidu li l-prezzijiet tal-prodotti għall-konsumatur; il-proprjeta; il-materjal għall-bini, id-diversi tagħmir u s-spare parts tal-karozzi saru ‘bil-wisq aktar għoljin f’dan il-pajjiż’.

L-inkwiet tan-nies hu wkoll sinifikanti meta l-Ażerbajġan qed iħejji għal-Logħob Ewropew ( f’Baku) ta’ dan is-sajf li għandhom l-appoġġ tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali (IOC).

Dan ma jfissix li l-Ażeri qed jinjoraw l-avveniment – anzi, s-sostenituri tal-Front Popolari Ażeri, fl-Oppożizzjoni, ikkritikaw l-ammont ta’ flus investiti fil-Logħob.

Il-baġit għal-logħob hu aktar mill-ekwivalenti ta’ 5.4 biljun lira Sterlina u l-kelliema jinsistu li ‘l-flus investiti jistgħu, minflok, jindirizzaw il-problemi serji soċjali u ekonomiċi fl-Ażerbajġan. Huma qalu li kien ikun aħjar ‘li kieku l-Gvern ta’ Aliyev iżid il-paga minima u l-pensjonijiet fqar ekwivalenti biss għal 150 manat (jew 130 ewro).’

L-awtoritajiet tal-Ażerbajġan ilhom iż-żmien jippersistu b’eżerċizzju tar-relazzjonijiet pubbliċi fuq diversi fronti u fejn qed iħallsu għal kollox – mill-impenji biex ipittru lil Baku f’dawl pożittiv, sa’ avvenimenti bħall-konkors tal-kanzunetta tal-Eurovision.