Internazzjonali

L-ISIS jieħu r-responsabbilta għall-attakk ta’ Tuneż

L-ISIS ħa r-responsabbilta tal-attakk tal-Erbgħa fit-Tuneżija. Attakk li ħalla tal-anqas 19-il persuna mejta.
Kelliem għall-grupp qal li l-attakk sar bi tpatija għall-arrest f’dawn l-aħħar ta’ membri tal-grupp li kienu moħbija fil-pajjiż.
Fil-kapitali seħħ massakru ta’ turisti fil-belt kapitali Tuneżina hekk kif grupp ta’ terroristi fetħu n-nar fuq coaches mimlija turisti li kienu deħlin f’mużew ewlieni f’Tuneż.
B’kollox kien hemm 19-il turist li nqatlu kif ukoll 22 oħra li ndarbu. Fil-maġġoranza tagħhom, skont il-Gvern Tuneżin dawn kienu mill-Italja, il-Ġermanja u l-Spanja imma l-italja qalet li s’issa m’hemmx kofnerma li hemm vittmi Taljani.
Għall-ewwel kien maħsub li fil-mira kien hemm il-Parlament Tuneżin li jinsab biswit il-Mużew Bardo, imma aktar tard is-suspetti kienu li fil-mira proprjament kien hemm it-turisti.
Fil-ħin tal-attakk, fil-Parlament Tuneżin kienet qed ikun diskuss abozz ta’ liġi għal kontra t-terroriżmu.
Dan peress li t-terroristi fetħu n-nar fuq coaches mimlija turisti li kienu għadhom kemm waqfu biex iniżżlu t-turisti biex iżuru l-mużew. Ħafna minnhom kienu minn cruise liner li kien daħal fit-Tuneżija.
Il-Prim Ministru Tuneżin Habib Essid qal li b’kollox kienu ħames terroristi li fosthom, tnejn hu kkonfermat li nqatlu fl-assalt tal-mużew fejn kienu ħatfu l-ostaġġi. Iżda fl-istess ħin wieħed ma jistgħax jeskludi l-impatt ta’ attakk fuq il-Parlament.
Xhieda qalu wkoll li fost dawk li wettqu l-attakk kien hemm min deherm li ma kienx Għarbi.
Din il-ġimgħa wkoll tħabbar li mexxej ewlieni tal-ISIS fil-Libja kien inqatel u dan kien ċittadin Tuneżin, Ahmed al-Rouissi, li kien magħruf bil-laqmijiet ta’ Abu Zakariya al-Tunisi u Abu Uwais al-Tunisi. Apparti hekk, f’dawn l-aħħar ġranet jidher li kien hemm żieda fit-theddid minn attivisti tal-ISIS fil-konfront tat-Tuneżija.