Ambjent Kultura Lokali

26 għaqda jappellaw biex tiġi salvata l-Kappella tal-Lunzjata fis-Siġġiewi

26 għaqda u organizzazzjoni jiffirmaw appell nazzjonali biex tiġi salvata l-Kappella tal-Lunzjata ħdejn is-Salib tal-Għolja fis-Siġġiewi

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret dalgħodu fiż-żona tas-Salib tal-Għolja, 26 għaqda u organizzazzjoni mmexxija mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi u mill-Parroċċa tas-Siġġiewi għamlu appell nazzjonali biex tiġi salvata l-Kappella tal-Lunzjata.

Din il-Kappella li nbniet għall-ewwel darba fis-sena 1420, illum il-ġurnata tinsab magħluqa minħabba ħsarat strutturali kbar u qegħda f’periklu li tiġġarraf.

Is-26 għaqda u organizzazzjoni appellaw lill-awtoritajiet kompetenti biex fl-iqsar żmien possibbli jitwettaq proġett li permezz tiegħu din il-Kappella ma tkomplix iġġarrab aktar ħsarat filwaqt li jsiru r-restawr u l-konservazzjoni tagħha. Huma spjegaw li qegħdin jagħmlu dan l-appell imqanqal u urġenti għaliex jemmnu li din il-Kappella tifforma parti mill-pajsaġġ u l-identità storika, kulturali u reliġjuża tas-Siġġiewi u l-qerda tagħha tkun telfa kbira mhux biss għas-Siġġiewi iżda wkoll għal pajjiżna.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet is-Sindku tas-Siġġiewi Dr Karol Aquilina qal li din hija l-ewwel darba li numru daqshekk sabiħ ta’ għaqdiet u organizzazzjonijiet mis-Siġġiewi ngħaqdu flimkien biex iħarsu dak li hu ta’ valur mhux biss għas-Siġġiewi iżda wkoll għal pajjiżna. Huwa spjega kif il-Kunsill Lokali u l-Parroċċa tas-Siġġiewi m’għandhomx il-mezzi finanzjarji biex jagħmlu r-restawr u l-konservazzjoni ta’ din il-kappella u kien għalhekk li flimkien mal-għaqdiet tas-Siġġiewi qegħdin jagħmlu dan l-appell nazzjonali.

Kappella

L-Arċipriet tas-Siġġiewi l-Kanonku Joseph Grech spjega kif il-Kappella tal-Lunzjata tifforma parti mill-wirt storiku u reliġjuż tas-Siġġiewi u ta’ pajjiżna. Huwa qal li l-Kappella tinsab fi stat perikoluż u huwa meħtieġa intervent li jiswa eluf kbar ta’ Ewro biex din tiġi salvata. L-Arċipriet tas-Siġġiewi esprima t-tama li dan l-appell nazzjonali jwassal biex din il-Kappella tiġi salvata biex tibqa’ tifforma parti mill-pajsaġġ taz-zona tas-Salib tal-Għolja filwaqt li tkompli taqdi l-funzjoni reliġjuża li qdiet għal kważi 600 sena.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat ukoll kif matul l-aħħar snin l-Kappella sofriet ħsarat kbar kawża ta’ xquq fl-art u l-preżenza ta’ tafal b’konsegwenza li parti mis-saqaf tal-Kappella diġà waqa’. Fil-ħitan tal-Kappella jidhru konsenturi kbar. Għalhekk huwa meħtieġ li qabel xejn jiġi stabbilit x’tip ta’ intervent għandu jsir biex il-Kappella tiġi salvata.

L-Arċipriet tas-Siġġiewi u s-Sindku tas-Siġġiewi spjegaw kif huma lesti li jagħtu l-għajnuna u l-kooperazzjoni kollha possibbli lill-awtoritajiet sabiex din il-Kappella tiġi salvata.

Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ir-rappreżentanti tal-għaqdiet u organizzazzjonijiet kollha li ffirmaw l-appell biex tiġi salvata l-Kappella tal-Lunzjata.