Paolo Gentiloni, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Taljan, qal li mal-ISIS ma jista’ jkun hemm ebda djalogu għaliex dan hu grupp responsabbli għal reati mill-aktar brutali li għandhom ikunu kkundannati bla riservi.
Il-Ministru Taljan qal dan waqt laqgħa ma’ Ban Ki-moon, is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti hekk kif kien qed iwieġeb mistoqsija dwar il-possibbiltà ta’ negozjati mal-ISIS fi sforz li tkun tista’ titwassal għajnuna umanitarja fl-Iraq u s-Sirja.
L-istess Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tkellem dwar “atti kriminali brutali” mill-ISIS kif ukoll ebda rispett għad-drittijiet tal-bniedem minn dawn in-nies.
Hu żied li kien imħasseb bil-kbir bil-mod kif l-ISIS qed jinfirxu. Ban Ki-moon kellu wkoll kliem ta’ ottimiżmu għat-taħditiet ta’ paċi li qed jitmexxew mir-rappreżentant tiegħu Bernardino Leon f’Rabat, il-Marokk, bejn iż-żewġ gruppi ewlenin fil-Libja – il-Gvern elett f’Tobruk u dak fi Tripli.
It-taħditiet għandhom ikomplu llum il-Ħamis u Ban Ki-moon qal li kien importanti li ma jkunx hemm intoppi.
Ebda negozjati mal-ISIS
