Ambjent Lokali

“Il-kampanja hi tagħna wkoll” – SHOut b’attivita’ fil-kampanja

Persuni li jappoġġjaw lil Spring Hunting Out jimmanifestaw id-dritt tagħhom li jgawdu l-kampanja mingħajr biża’ jew intimidazzjoni

Aktar minn 50 persuna li jappoġġjaw lil ‘Spring Hunting Out’ (SHOut) ingħaqdu għal mixja mal-familja u għal piknik f’Ħad-Dingli biex jimmanifestaw id-dritt tagħhom li jgawdu l-kampanja fir-rebbiegħa mingħajr biża’ jew intimidazzjoni.

Mark Sultana, kelliemi għall-kampanja SHout, ingħaqad mal-grupp u qal li fil-btajjel pubbliċi, ħafna nies joħorġu fil-kampanja mal-familja u l-ħbieb tagħhom iżda meta jiftaħ l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa, il-kampanja tiġi okkupata mill-kaċċaturi anke fil-btajjel pubbliċi, u saħansitra fil-Ġimgħa l-Kbira u Ħadd il-Għid.

Il-kaċċaturi xorta għandhom ħames xhur fil-ħarifa u x-xitwa biex joħorġu għall-kaċċa; lilna ħalluna ngawdu r-rebbiegħa, kompla jgħid Mark Sultana

Il-grupp SHOut spejga kif minn statistika maħruġa mill-kaċċaturi stess, il-grupp ikkalkula li kważi 80% tal-kampanja tista’ tintuża għall-kaċċa. Qalu wkoll li pajjiżna għandu waħda mill-ogħla konċentrazzjonijiet ta’ kaċċaturi fid-dinja, li hi madwar 62.5 kaċċaturi kull kilometru kwadru.