Wara li fl-aħħar ġimgħat, l-Oppożizzjoni, l-istudenti u l-ġenituri, u għadd ta’ kitbiet u artikli fil-media, ġibdu l-attenzjoni ta’ kwistjonijiet li jirriżultaw minn tmexxija ħażina fl-ITS, u li dwarhom bilkemm ittieħdet azzjoni, l-Oppożizzjoni qed tkompli ssostni t-tħassib serju tagħha dwar is-sitwazzjoni fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi.
L-Oppożizzjoni Nazzjonalista, permezz tal-Kelliem tat-Turiżmu Antoine Borg, qalet li b’dispjaċir, l-Oppożizzjoni tinnota li kwistjonijiet ta’ riżorsi għal studju u taħriġ, u organizzazzjoni ta’ korsijet fl-ITS, qed inisslu tħassib u qtugħ ta’ qalb fost l-istudenti u l-ħaddiema ta’ rieda tajba.
L-Oppożizzjoni qalet li huwa inaċettabbli wkoll dak li ġie rrapurtat fl-aħħar jiem, jiġifieri li koki fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi ntalbu jħejju ikel għal riċevimenti privati organizzati mid-Direttur Eżekuttiv tal-Istitut, u li l-ingredjenti għalihom ġew imħallsa, skont dak irrappurtat, mill-istess Istitut.
L-Oppożizzjoni temmet tgħid li hi temmen fir-rwol kruċjali li għandu l-ITS fit-tisħiħ tal-kwalità tal-esperjenza turistika li joffri pajjiżna permezz tat-taħriġ tar-riżorsi umani f’din l-industrija.
Waqt li tirrikonoxxi l-impenn tal-istudenti, tal-ħaddiema tal-ITS u dawk fis-settur turistiku, l-Oppożizzjoni qalet li tħeġġeġ aktar kollaborazzjoni effettiva bejn l-industrija u l-ITS sabiex jiġu ndirizzati l-ħtiġijiet tas-settur. Huwa b’dan il-mod li l-ITS jista’ jkun strumentali mhux biss fit-tħejjija tal-istudenti, iżda anke fit-taħriġ tul il-ħajja ta’ dawk diġà mpjegati fl-industrija tat-turiżmu.
//= $special ?>