Inizjattiva lejn trasparenza akbar fejn jidħlu l-kuntratti dwar il-gass miftiehma ma’ pajjiżi bħar-Russja fetħet għal diżgwid bejn il-Polonja u l-Ġermanja sa minn qabel it-taħditiet għall-enerġija fost il-mexxejja tal-UE fi Brussell.
Is-summit ta’ Brussell, li beda l-Ħamis, hu intiż li jkompli l-progress lejn unjoni waħda fil-qasam tal-enerġija u li anki jippermetti biex il-gass u l-elettriku jiċċirkolaw b’mod ħieles mill-fruntieri. Dan jippermetti wkoll li l-UE ma tiddependix daqstant fuq il-gass tar-Russja u fejn l-Unjoni tista’ tilqa’ għal sitwazzjonijiet fejn il-kumpanija ewlenija tal-gass Russa Gazprom kapaċi sservi ta’ strument f’xi logħba politika ta’ Moska.
Sa minn qabel is-summit, issemmiet il-possibbiltà li l-attenzjoni taqa’ fuq ‘il-konfront’ bejn il-Ġermanja, li kkonkludiet b’suċċess in-negozjati mal-Gazprom, u l-Polonja, li qed tħallas prezzijiet ogħla għall-enerġija tagħha.
Is-sorsi tal-UE komplew li l-Ungerija – li l-kuntratt nukleari tagħha mar-Russja qanqal l-ilmenti fost ir-regolaturi tal-Unjoni – ukoll għandha r-riservi tagħha.
Abbozz imħejji għas-summit ta’ Brussell isejjaħ għal trasparenza akbar fis-swieq tal-gass u biex ‘il-pajjiżi jaċċertaw li l-ftehim kollha mal-entitajiet barranin li jipprovdu r-riżorsi li jistgħu jaffettwaw is-sigurtà tal-enerġija tal-UE ikunu konformi mar-regoli tal-Unjoni’. L-abbozz ikompli li, f’dan il-każ, ‘għandha tkun imħarsa l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni meqjusa bħala sensittiva minn aspett kummerċjali’.
Is-sorsi tal-UE għamluha ċara li dan hu relatat biss għall-ftehim bejn il-Gvernijiet.