Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Wenzu Mintoff ordnat lill-kumpanija Taljana Cff Filiberti Srl, li kellha l-inkarigu tal-bini tal-Parlament il-ġdid, biex tħallas is-somma ta’ €31,571.10 lill-kumpanija Q Stone Ltd għall-provvista u bejgħ ta’ ġebel u materjal.
Iż-żewġ kumpaniji għandhom diversi kawżi kontra xulxin fil-Qorti. Waħda minnhom hija dwar il-bini tal-Parlament stess, fejn CFF Filiberti kienet qalet li Q Stone Ltd issupplixxietha b’ġebel ta’ kwalità inferjuri u anqas minn dak rikjest minnha, bil-konsegwenza li l-proġett tal-Parlament waqa’ lura.
Dwar dan, Q Stone Ltd kienet qalet li x-xogħol fuq il-Parlament waqa’ lura mhux minħabba fiha iżda għax il-kumpanija CFF Filiberti Srl m’għandhiex fondi biex tħallas lill-kuntratturi.
Il-kawża saret minn Q Stone Ltd kontra Cff Filiberti. F’din il-kawża Q Stone Ltd sostniet li għandha tieħu €32,571.10 mingħand il-kumpanija Taljana għall-provvista ta’ ġebel u materjal, u dan apparti l-ammont imsemmi f’kawża oħra li bħalissa qed tinstema’ mill-Qorti.
Q Stone Ltd qalet li għalkemm talbet kemm-il darba lil CFF Filiberti biex tħallasha, u għalkemm il-kumpanija Taljana obbligat ruħha li tħallasha b’pagamenti kull xahar, il-ħlas baqa’ ma sarx. Il-Qorti qalet li billi l-provi miġjuba minn Q Stone Ltd ma ġewx kontradetti, it-talbiet tal-kumpanija jirriżultaw ippruvati. Għalhekk il-Qorti laqgħet it-talba ta’ Q Stone Ltd u ordnat lill-kumpanija Taljana tħallas l-ammont dovut.
//= $special ?>