L-aġenzija tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea, Europol, ħolqot taqsima ġdida biex tinvestiga l-gruppi li qed immexxu l-immigrazzjoni irregolari mit-Tramuntana tal-Afrika lejn l-Ewropa.
It-taqsima ġdida, JOT (Joint Operational Team) Mare għandha t-tir li tgħin lill-Pulizija tkisser lil dawn il-gruppi u l-bażi se tkun fil-kwartieri ġenerali tal-Europol f’The Hague fl-Olanda. It-taqsima se tkun qed taħdem f’id f’id mal-aġenzija Ewropea tal-Frontex kif ukoll mal-aġenzija internazzjonali tal-Pulizija, Interpol, ibbażata f’Lyon, fi Franza. Dan apparti 13-il pajjiż membru: Il-Belġju, Ċipru, id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, l-Olanda, il-Portugall, Spanja, l-Iżvezja, ir-Renju Unit u Malta.
L-aġenzija se tibda tqassam informazzjoni lill-korpi tal-Pulizija ta’ dawn il-pajjiżi biex jaġixxu kontra t-traffikanti tan-nies.
Dimitris Avramopoulos, il-Kummissarju Ewropew responsabbli mill-immigrazzjoni, qal li din l-aġenzija kienet se ssaħħaħ il-ħidma tal-UE kontra dawn il-kriminali li qed imexxu l-gruppi ta’ immigrazzjoni irregolari lejn l-Ewropa. Hu żied li l-Frontex diġà kienet qed tgħasses numru ta’ portijiet barra l-Unjoni Ewropea kif ukoll xi vapuri suspettati li qed jintużaw għal dawn il-vjaġġi fil-Baħar Mediterran.
Tul l-2014, 220,000 immigrant daħlu fl-Ewropa filwaqt li fl-2013 dawn kienu 60,000.