Aġġornata: Il-Membru tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola ġiet magħżula minn fost il-Membri tal-Parlament Ewropew bħala l-MEP tas-Sena, riżultat tal-ħidma tagħha fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Libertajiet Ċivili.
Metsola kienet waħda mit-tliet Membri Parlamentari Ewropej nominati għall-għoti ta’ dan ir-rikonoxximent.
Dan il-premju tħabbar waqt ċerimonja li saret fi Brussel huwa organizzat mill-pubblikazzjoni The Parliament Magazine.
F’messaġġ li għamlet waqt is-serata, Metsola irringrazzjat lill-kollegi kollha tagħha fil-Parlament li ivvutawlha, u enfasizzat li l-koperazzjoni u l-kompromess huma essenzjali għall-ħidma fil-Parlament Ewropew biex bid-deċiżjonijiet li jittieħdu ssir differenza għall-aħjar fil-ħajja tan-nies.
Hi qalet li l-ebda Membru tal-Parlament Ewropew u l-ebda grupp politiku waħdu ma jista’ jaħdem għal rasu, għalhekk il-koperazzjoni hi meħtieġa. “Irridu naħdmu flimkien fl-interess tal-popli li nirrappreżentaw”, saħqet Roberta Metsola.
Il-messaġġ tagħha waqt iċ-ċerimonja sar permezz ta’ video link billi bħalissa Roberta Metsola tinsab Washington tipparteċipa f’taħdidiet dwar il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni. Żewġ gradwati żgħażagħ Maltin telgħu għall-premju f’isimha.
Din mhix l-ewwel darba li membru ewroparlamentari Malti ngħata dan il-premju, bil-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil jirbaħ dan il-premju tant prestiġjuż fl-2012.
Ġudizzju pożittiv fuq il-kwalitajiet u l-kontribut validu tal-MEP Roberta Metsola – il-PN
Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija feraħ lill-Membru Parlamentari Ewropew Roberta Metsola tal-unur li ħadet il-bieraħ fejn ġiet magħżula bħala l-Membru Parlamentari Ewropew tas-sena għall-ħidma tagħha fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Libertajiet Ċivili.
Dan hu rikonoxximent li mhux biss jagħmel ġieħ lilha u lill-Partit Nazzjonalista iżda anki lil pajjiżna għaliex juri l-kapaċita’ tal-Maltin li jagħmlu suċċess għalihom u għal pajjiżna. Din hija t-tieni darba li MEP tal-Partit Nazzjonalista rebaħ dan l-unur wara li fl-2012 kien il-Kap Simon Busuttil li rebaħ dan l-unur għall-ewwel darba.
Il-Partit Nazzjonalista qal li l-prestiġju ta’ dan l-unur hu li Roberta Metsola ġiet magħżula biex tingħata dan ir-rikonoxximent mill-Membri Parlamentari Ewropej stess li għamlu ġudizzju pożittiv fuq il-kwalitajiet u l-kontribut validu tagħha.
L-unur mgħoti lil Roberta Metsola hu unur għal Malta u għal Partit Nazzjonalista – L-MNPN
Intant, il-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista, l-MNPN, esprima sodisfazzjoni għall-unur kbir li ngħata lill-MEP u Shadow Minister Roberta Metsola meta ġiet magħżula MEP tas-sena. Dan speċjalment fil-kuntest tal-fatt li ż-żewġ MEPs nominati l-oħra għall-istess titlu huma mill-Ġermanja u l-Polonja; żewġ pajjiżi b’dimensjonijiet ħafna ikbar minn pajjiżna.
L-MNPN qalet li r-rikonoxximent jagħmel unur lil Roberta Metsola fuq livell personali kif ukoll unur għall-Partit Nazzjonalista u għal Malta, li taħt amministrazzjoni Nazzjonalista dejjem ippromwova lin-nisa biex jidħlu fil-qasam politika.
L-MNPN feraħ lil Roberta Metsola u awguralha sabiex tkompli l-ħidma fejjieda tagħha kemm fuq livell lokali kif ukoll fuq livell internazzjonali, b’mod partikolari fl-Unjoni Ewropea.
//= $special ?>