Mara li marret l-uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali fil-Birgu din il-ġimgħa biex tapplika għal benefiċċji soċjali, spiċċat aggrediet lill-manager fl-uffiċċju u heddidtha li “ssibha barra, mara b’mara”.
Dan għaliex wara l-verifiki meħtieġa, ħareġ li l-mara kienet taqbeż il-limitu tal-means test u għalhekk ma kinitx tikkwalifika għall-benefiċċji li riedet tapplika għalihom.
MaltaRightNow hu infurmat li sar rapport fl-għassa ta’ Bormla wara li l-mara għolliet leħinha u bdiet tgħajjar lill-manager tal-uffiċċju u allegatament imlietha bil-bżieq. Bdiet tallega li se tmur fejn “Joseph”, b’riferenza diretta għall-Prim Ministru, jew li kienet se tmur “fejn għandha tmur”.
Qabel daħlet fl-uffiċċju, il-mara kienet diġà mwissija mill-uffiċjal tas-sigurtà tad-dipartiment minħabba li waqt li kienet fis-sala tal-istennija, kienet qed tħabbat b’mod qawwi.
Il-mara mistennija titressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin.
//= $special ?>