Internazzjonali

Tony Blair jitwarrab mid-diskussjonijiet dwar il-Lvant Nofsani

L-eks-Prim Ministru Laburista Ingliż qed jitwarrab mid-diskussjonijiet li għaddejjin dwar il-Lvant Nofsani.
Gazzetti Ingliżi fl-aħħar jiem kienu qed jirrappurtaw li kien hemm għajdut li Blair jiġi mġiegħel jirriżenja mill-kariga tiegħu, imma lbieraħ filgħaxija The Financial Times ikkonfermat l-aħbar.

Fl-2007, Tony Blair kien inħatar Invjat Speċjali għall-paċi fil-Lvant Nofsani u kien jirrappreżenta lill-Istati Uniti, lin-Nazzjonijiet Uniti, lir-Russja u lill-Unjoni Ewropea.

Il-ġurnal The Telegraph qed jgħid li dak li kien uffiċċjal Amerikan li kien involut ħafna fid-diskussjonijiet is-sena li għaddiet, qed isostni li Tony Blair ma fadallu ebda kredibilità mal-partijiet kollha nvoluti fil-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani. Qal li meta jissemma’ ismu, il-partijiet kollha jgħollu għajnejhom ’il fuq, f’turija ta’ nuqqas ta’ kredibilità. Spjega wkoll li wara li l-aħħar diskussjonijiet ma wasslu għal imkien is-sena li għaddiet, Tony Blair spiċċa “ċajta fissa”.

Uffiċjalment il-Gvern ta’ Obama qed jagħti l-appoġġ tiegħu lil Blair, imma l-istess eksuffiċjal sostna li wara l-kameras u r-ritratti għall-media, ftit li xejn hemm sugu anke għaliex il-Palestinjani jqisu lil Blair bħala wieħed li hu favur l-Iżrael.

Is-sena li għaddiet, kien hemm kampanja sħiħa favur it-tkeċċija ta’ Blair mill-inkarigu u li kienet appoġġjata minn tliet eksambaxxaturi għar-Renju Unit.