Kurżitajiet

Tort tal-ismartphone li qed issir għażżien u inqas intelliġenti

Studju li ġie ppubblikat iktar kmieni dan ix-xahar fil-ġurnal Computers in Human Behaviour qed iriegħed l-internet bl-akkuża li l-użu qawwi ta’ smartphones jista’ jkun marbut ma’ inqas intelliġenza.

The brain in your pocket: Evidence that Smartphones are used to supplant thinking, ippubblikat mill-Università ta’ Waterloo, iħares lejn żewġ tipi ta’ persuni: dawk li jafdaw iktar fl-istint u jaġixxu fuq is-sensazzjoni tal-“gut feeling” meta jieħdu deċiżjoni, u dawk iktar intelliġenti li jaslu għad-deċiżjoni bil-loġika.

L-istudju sab li l-ewwel grupp ta’ persuni fittxew iktar malajr li jsibu s-soluzzjoni għal problema billi jfittxu fuq l-ismartphone milli jħabblu rashom biex jaslu għas-soluzzjoni. Skont Gordon Pennycook, wieħed mill-awturi prinċipali tal-istudju, l-ismartphones iġagħluk issir iktar għażżien milli diġà tkun.

L-istudju sar fuq 660 persuna u għalkemm ma jorbot bl-ebda mod l-użu tal-ismartphone man-nuqqas ta’ intelliġenza, isib li dawk l-iktar li jużawh tendenzjalment għandhom intelliġenza inferjuri.