Kunsilli Lokali Lokali

Ħidma id f’id mal-komunità biex issir id-differenza fil-lokalitajiet – Mario de Marco

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li għandu jaħdem id f’id mal-komunità biex jagħmel id-differenza fil-lokalitajiet. Dan kien il-messaġġ tal-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament Mario de Marco waqt konferenza tal-aħbarijiet fis-Swieqi, akkumpanjat mill-Kandidati tal-Partit Nazzjonalista għal-lokalità, biswit iċ-Ċentru Ċiviku l-ġdid frott il-ħidma tal-Kunsill Lokali b’maġġoranza Nazzjonalista.

Mario de Marco faħħar il-ħidma tal-Kunsill Lokali, li rnexxielu jintroduċi firxa ta’ servizzi lill-komunità tas-Swieqi, li dejjem qed tikber u li llum il-ġurnata tlaħħaq madwar 10,000 resident. Sfida ewlenija għal din il-lokalità hi s-sigurtà, speċjalment minħabba l-qrubija ma’ Paceville. Barra minhekk, fix-xhur tas-Sajf, il-popolazzjoni tiżdied b’eluf ta’ studenti li jiġu Malta biex jitgħallmu l-Ingliż.

Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kunsilli Lokali David Agius faħħar il-ħidma kontinwa tal-Kunsill Lokali tas-Swieqi, mhux biss f’dawk li huma d-dmirijiet tiegħu skont il-Liġi, iżda wkoll f’inizjattivi li jmorru lil hinn minn dak mitlub minnhom. Fost oħrajn, semma’ l-Konferenza Nazzjonali dwar id-Droga, organizzata mill-Kunsill u l-pjan li din tibda ssir kull sentejn. Hu ħeġġeġ liż-żgħażagħ ta’ 16-il sena biex jagħmlu użu mid-dritt mogħti lilhom u jivvutaw f’din l-elezzjoni.

Is-Sindku Noel Muscat qal li minbarra s-sigurtà, il-lokalità għandha sfida oħra ewlenija, li hi dik tat-toroq. Semma’ fost l-oħrajn Triq il-Keffa, li tiswa aktar minn €400,000 biex titranġa filwaqt li l-baġit annwali tal-Kunsill hu ta’ €540,000. Minkejja dawn id-diffikultajiet, il-Kunsill Lokali rnexxielu jagħmel diversi xogħolijiet ta’ titjib fl-infrastruttura.

Għall-elezzjoni tal-11 ta’ April, il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta 12-il Kandidat fuq din il-lokalità, li sebgħa minnhom huma Kandidati ġodda.