Il-paga medja tal-ħaddiema li jaħdmu full-time f’Għawdex hi anqas minn tal-ħaddiema Maltin li jaħdmu f’Malta, bid-differenza hi ta’ aktar minn €1,400 anqas.
Dan jirriżulta minn mistoqsija parlamentari li saret mix-Shadow Minister għal Għawdex Chris Said lill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna.
Jirriżulta wkoll fit-tweġiba li ngħatat fil-Parlament, li l-paga medja ta’ impjegati f’Għawdex irrispettivament mit-tip ta’ xogħol, hi wkoll anqas minn dik ta’ Malta, bid-differenza wkoll tkun ta’ aktar minn elf ewro.
Il-paga medja ta’ impjegati full-time f’Malta hi ta’ €17,681, waqt li f’Għawdex hi ta’ €16.224. Il-paga medja ta’ impjegati irrispettivament mit-tip ta’ xogħol hi ta’ €16,088 f’Malta u €15,141 f’Għawdex.
Il-Ministru Scicluna ma tax informazzjoni dwar kemm hemm ħaddiema f’Għawdex bil-paga minima u x’persentaġġ jiffurmaw mill-ħaddiema kollha li jaħdmu f’Għawdex; kif jikkompara dan mal-ħaddiema bil-paga minima f’Malta u kif jikkompara mat-total ta’ ħaddiema li jaħdmu f’Malta.
Il-Ministru Scicluna qal li l-informazzjoni għal dawn il-mistoqsijiet ma tistax tingħata minħabba li l-kampjun li fuqu nħadmet din l-informazzjoni (Labour Force Survey) hu żgħir u ċ-ċifri ma jagħtux riżultati rappreżentattivi f’dan il-livell għal Għawdex.
//= $special ?>