Il-Ġimgħa matul il-ġurnata ħadd fiċ-Ċina ma seta’ jikseb aċċess għas-servizzi tal-aħbarijiet tar-Reuters fiċ-Ċina. Dan kien jgħodd kemm għall-aħbarijiet biċ-Ċiniż kif ukoll għal dawk bl-Ingliż.
Il-problemi kienu bdew tard il-Ħamis u l-indikazzjonijiet huma li s-servizzi qed ikunu imblukkati mill-awtoritajiet Ċiniżi.
Il-websajts ta’ kumpaniji ewlenin tal-media bħal Bloomberg News, The New York Times u Wall Street Journal ilhom iż-żmien imblukkati fiċ-Ċina. Dan wara li kitbu artikli dwar temi li l-Gvern Komunista Ċiniż iqishom bħala sensittivi.
Mhux magħruf għaliex is-servizzi tar-Reuters kienu qed ikunu imblukkati fiċ-Ċina. Fil-passat kien hemm każi fejn ir-Reuters kellhom is-servizzi imblukkati u dan spiss kien minħabba xi storja kritika tal-Gvern Ċiniż li kienet se tkun ippubblikata.
Imblukkati l-aħbarijiet tar-Reuters fiċ-Ċina
