Internazzjonali

Ir-‘rebranding’ tal-Ażerbajġan ma jikkonvinċix

Minkejja l-proġetti intiżi għal ‘rebranding’ li juri dan il-pajjiż fl-aħjar dawl, baqgħu ‘ħorox’ l-akkużi u l-kummenti ta’ kundanna rigward il-korruzzjoni fl-ogħla livelli tal-amministrazzjoni f’Baku kif ukoll għall-abbużi sfaċċati kontra d-drittijiet umani.
Fil-fatt, l-akkużi dwar il-korruzzjoni jirreferu, fost oħrajn, għal uħud mill-aktar proġetti ambizzjużi tal-Ażerbajġan. Eżempju li jkaxkar kien il-Konkors tal-Kanzunetta Eurovision tal-2012, organizzat f’Baku, u fejn il-ġurnalista investigattiva, Khadija Ismayilova, żvelat kif il-familja tal-President Ażeri, Ilham Aliyev, ‘iggwadanjat sew’ mill-bini tas-sala tal-kun ċerti fejn saru l-finali tal-konkors.
Illum, Ismayilova tinsab il-ħabs wara li tressqula l-akkużi li qed jidhru bħala infondati. Dan meta l-ġurnalista qed tikkonfronta ‘proċess ta’ prosekuzzjoni wara l-oħra’, bl-awtoritajiet Ażeri qed ikomplu jarrestaw il-kritiċi prominenti tal-Gvern.
Fl-istess ħin, il-gruppi favur id-drittijiet umani wissew li l-Logħob Ewropew li se jsiru f’Baku, matul is-sajf, jistgħu jintużaw – l-istess bħal fil-każ tal-‘Eurovision’ — biex ‘joskuraw il-korruzzjoni u l-abbużi kontinwi’ mill-Gvern ta’ Aliyev.