Ekonomija Kummerċ Lokali

Kumpanniji ewlenin jieħdu sehem f’Jum ir-Responsabbilta’ Soċjali Korporattiva 2015

Erba’ organizzazzjonijiet ewlenin f’Malta ħadu sehem fl-14-il edizzjoni tal-Jum ir-Responsabbilta’ Soċjali Korporattiva (CSR Day) bl-impjegati rispettivi tagħhom jagħmlu ħidma volontarja f’għadd ta’ djar biex jgħinu nies vulnerabbli li qed jiffaċċjaw problemi soċjali differenti. Jum ir-Responsabbilta’ Soċjali Korporattiva jsir kull sena propju fid-19 ta’ Marzu, jum il-festa pubblika ta’ San Ġużepp Ħaddiem.

Mijiet ta’ impjegati minn Farsons Group, Forestals Group, HSBC Bank Malta u Tumas Group taw daqqa t’id lill-Fondazzjoni ta’ Dar il-Wens fil-Fgura, il-Fondazzjoni St Jean Antide f’Birżebbuġa, Dar Frate Jacoba f’Marsaskala u Dar Merħba Bik f’Ħal Balzan.

Il-President ta’ Malta l-E.T. Marie-Louise Coleiro Preca u uffiċjali mill-erba’ organizzazzjonijiet żaru lill-volontiera f’għadd ta’ lokalitajiet u ringrazzjawhom għax-xogħol siewi u għal parteċipazzjoni tagħhom f’din l-inizjattiva.

L-istaff ta’ HSBC Malta wettaq xogħol volontarju f’Dar Frate Jacoba, dar li tilqa’ żgħażagħ ġejjin minn ambjenti soċjali diffiċli.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ HSBC Bank Malta Mark Watkinson qal: “Konformi mal-ideal oriġinali ta’ Jum ir-Responsabbilta’ Soċjali Korporattiva ta’ 14-il sena ilu, aħna irridu ninkuraġġixxu lill-istaff ta’ HSBC u impjegati oħra minn organizzazzjonijiet ewlenin biex jappoġġjaw din il-kawża ġusta fil-komunità lokali, u jagħmlu differenza kbira fil-kwalità tal-ħajja tan-nies li jgħixu f’dawn id-djar.”