Internazzjonali

L-Italja tkabbar il-preżenza militari barra mil-Libja

Il-Gvern Taljan qed iżid drastikament il-preżenza militari barra mill-kosta tal-Afrika ta’ Fuq, partikolarment il-Libja. Dan permezz ta’ żieda kemm fil-bastimenti militari kif ukoll ajruplani fosthom drones.
Ftit ġranet ilu fil-Mediterran, l-Italja kienet bdiet dik li tlaqqmet “Mare Aperto” fejn ammont ta’ bastimenti tal-gwerra baħħru barra mill-kosta Libjana biex ikunu lesti għal kull eventwalità. Issa l-Italja tat bidu għall-ħidma ġdida mlaqqma “Mare Sicuro”.
Dan wara li tqies li s-sitwazzjoni fit-Tramuntana tal-Afrika, partikolarment il-Libja u issa t-Tuneżija aggravat.
L-aħbar ingħatat minn Roberta Pinotti, il-Ministru tad-Difiża Taljan, waqt diskors fil-Parlament Taljan. Hi qalet li wara l-iżviluppi ta’ dawn l-aħħar ġranet, inħass il-bżonn li l-preżenza militari Taljana fi-Mediterrean tissaħħaħ.
L-iskop intqal għandu diversi miri, kemm dik ta’ sigurtà tat-territorju Taljan imma anki tal-linji tal-komunikazzjoni, tal-vapuri fiz-zona u r-rigs taż-żejt Taljani apparti għassa għal xi ċaqliq mill-militanti Iżlamiċi.
Fl-istess ħin kompliet tiżdied dejjem aktar l-għassa u l-preżenza tal-forzi tas-sigurta Taljani fl-Italja stess. Dan hekk kif fi żmien xahar f’Torino se jkun għall-wiri għall-pubbliku l-Liżar ta’ Kristu u mistenni jmur anki l-Papa Franġisku. F’Mejju mbagħad tiftaħ l-Expo f’Milan biex imbagħad lejn l-aħħar tas-sena, il-Papa se jiftaħ is-Sena l-Imqaddsa – kollha attivitajiet ta’ folol kbar li jistgħu jkunu lok ta’ theddida terroristika.
Sorsi fl-Italja qalu li permezz tad-drones tat-tip Predator kif ukoll ajruplani militari ta’ għassa, l-Italja se tkun b’seba’ għajnejn mhux biss taċ-ċaqliq fuq il-baħar imma anki fuq l-art u l-ajru. Dan jgħodd ukoll għat-tbaħħir ta’ immigranti mill-kosta Libjana imma anki dik Tuneżina.