Lokali

Aġġornata: Il-Pulizija sabet dik li aktarx kienet il-karozza użata fil-qtil ta’ Raymond Caruana

Żvilupp fil-każ tal-qitl ta’ Raymond Carauana quddiem farmhouse f’limiti ta’ Ħaż-Żebbuġ hekk kif fis-sagħtejn ta’ waranofsinhar tas-Sibt il-Pulizija sabet arma u karrozza maħruqa fl-istess żona fejn sar il-qtil.

Dettalji dwar dawn l-iżviluppi ngħataw mis-Supretendent Silvio Valletta f’konferenza tal-aħbarijiet fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija li fiha hu qal li l-karrozza nstabet f’għalqa f’Tal-Virtu u l-arma kienet fiha.

Jirriżulta li l-karrozza hi Opel Corsa u kienet rappurata nieqsa minn Tal-Pieta f’Settembru li għadda. F’dan l-istadju l-Pulizija mhix tiżvela jekk minn ġol-karrozza kinux elevati iktar provi li jistgħu jkunu vitali għall-investigazzjonijiet.

Sal-mument tal-konferenza tal-aħbarijiet, il-pulizija kienet għadha qed tagħmel l-analiżi tagħha biex tikkompara l-arma u l-bullets li din tispara mal-iskrataċ li kienu elevati minn fuq ix-xena tad-delitt.

Mill-konferenza tal-aħbarijiet tal-Pulizija jirriżulta li analiżi oħra li qed isiru huma tas-CCTV cameras li kienu installati fiż-żona.

Il-pulizija ma tatx ukoll dettalji jekk minn fuq il-post kinux elevati marki taż-żraben jew tat-tyres tal-vettura li ntużat mil-qattil. Mhux stabbilit ukoll jekk l-aggressur aġixxiex waħdu jew kellux kompliċi miegħu.

Raymond Caruana kien persuna magħrufa mal-pulizija u f’dan l-istadju l-Pulizija qed tistħarreġ jekk dan id-delitt hux marbut ma’ xi każi kriminali oħra li seħħew fl-aħħar xhur u li fihom inqatlu diversi persuni.

Delitt Raymond Caruana Vittma 200315

CRIME 2