Arċisqof ġdid għal Malta
Eluf ta’ Maltin ilbieraħ segwew iċ-ċeremonji marbuta mal-Ingress Solenni li ra lill-Monsinjur Charles Scicluna jieħu f’idejh it-tmun tal-Knisja f’Malta bħala l-Arċisqof il-ġdid ta’ pajjiżna.
Il-ġurnata ta’ Monsinjur Charles Scicluna bdiet bit-tluq mir-residenza tiegħu f’Ħal Lija, bl-ewwel waqfa tkun fil-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Lija. Fost xita u riħ, hu rħielha lejn ir-Rabat, fejn hemmekk bdiet ir-rotta li wasslitu sal-Katidral tal-Imdina, bl-ewwel waqfa tkun il-Knisja tad-Dumnikani.
Kienet drawwa li ġejja mis-seklu tmintax li l-Arċisqof jgħaddi l-lejl lejliet l-Ingress Solenni fil-kunvent tad-Dumnikani.
Fil-Knisja tad-Dumnikani, Monsinjur Scicluna iltaqa’ mal-Arċisqof-emeritu Pawlu Cremona, li hu residenti fil-kunvent maġenb il-Knisja. Flimkien huma niżlu fil-Knisja tal-Madonna tal-Għar, fejn hemmek qattgħu ftit mumenti ta’ talb flimkien.
Ir-rotta kompliet b’Monsinjur Scicluna jżur il-Knisja ta’ San Pawl, fejn l-Arċisqof-elett kellu ċ-ċans li jinżel fil-Grotta ta’ San Pawl, fejn skont it-tradizzjoni, l-Appostlu San Pawl għex u xandar il-fidi.
Aktar tard, hu żar il-Knisja ta’ Ġieżu u l-Knisja ta’ San Mark fir-Rabat, qabel wasal l-Imdina biex minn hemm jimxi lejn il-Katidral għall-konċelebrazzjoni.
Evidenti l-ferħ fuq wiċċ dawk miġbura, li ltaqgħu mal-Arċisqof, fosthom anzjani li sfidaw il-kesħa u r-riħ biex jiltaqghu mal-Arċisqof. Spikka l-fatt li l-Arċisqof vjaġġa b’Jeep, flok b’karozza lussuza.
Mal-wasla tiegħu fil-Bieb tal-Imdina, hu ntlaqa’ mill-Kapitlu li kien skjarat fuq kull naħa tat-triq, fil-wesgħa ta’ quddiem l-għassa tal-Pulizija, biex minn bejniethom għaddiet il-banda u mbgħad wara s-Salib Proċessjonali.
Fil-Bieb tal-Imdina, l-Arċisqof-elett intlaqa’ mis-Sindku u l-Kunsilliera tal-Imdina kif ukoll mill-Kapitlu Metropolitan.
Il-purċissjoni imxiet lejn il-pjazza tal-Katidral, fejn intrama’ ‘big screen’ għal dawk kollha li ddeċidew li jsegwu l-Ingress Solenni mill-Imdina.
Akkumpanjat mill-banda, Monsinjur Scicluna mexa lejn il-pjazza tal-Katidral. Fi trieqtu lejn il-Pjazza, hu waqaf quddiem il-Kappella ta’ Sant’Agata, fejn iltaqa’ mal-mexxejja ta’ reliġjonijet oħra f’Malta.
Sadanittnat, il-mistiedna distinti kienu qed jimlew is-siġġijiet tal-Katidral tal-Imdina. Mistednin li nkludew il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca, il-Prim Ministru Joseph Muscat kif ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil. Mistiedna oħra nkludew Presidenti Emereti u Deputati.
Fil-Katidral tal-Imdina imbgħad seħħet l-aktar ċeremonja importanti tal-ġurnata; dik tal-Ingress Solenni. Waqt iċ-ċeremonja inqrat il-Bolla tal-Papa Franġisku; l-ewwel bil-Latin u wara bil-Malti. Permezz ta’ din il-Bolla, Monsinjur Charles Scicluna irċieva l-mandat ta’ Arċisqof ta’ Malta.
Iċ-ċeremonja fil-Katidral kompliet billi n-Nunzju Appostoliku wassal lill-Arċisqof Charles Scicluna lejn is-sedja fejn hemmek tah il-baklu. Wara din iċ-ċeremonja, l-Arċisqof niżel isellem lill-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż u lill-ġenituri tiegħu.
Il-konċelebranti waqt iċ-ċelebrazzjoni inkludew il-Kardinal Prospero Grech, in-Nunzju Appostoliku għal Malta Aldo Cavalli, l-Isqof t’Għawdex Mario Grech, l-Arċisqof-emeritu Pawlu Cremona, Is-Segretarju tas-Santa Sede għar-Relazzjonijiet mal-Istati l-Arċisqof Paul Gallagher kif ukoll l-Arċisqof Awżiljarju ta’ Ruma Filippo Iannone. Madwar 160 qassis ipparteċipaw fiċ-ċelebrazzjoni.
Hekk kif ġiet fi tmiemha ċ-ċeremonja, l-Arċisqof ingħata bukketti ta’ fjuri qabel ħareġ barra l-Katidral fejn kien milqugħ mill-membri tal-midja, għattxana għall-ewwel kumment tiegħu bħala Arċisqof ta’ Malta.
Lill-midja, l-Arċisqof Charles Scicluna qalilhom li jħossu onorat u privileġġjat li se jkun qed imexxi l-Knisja f’Malta, filwaqt li qal li se jiddedika ħajjtu lill-poplu Malti.
Mistoqsi minn il-MUMENT fi tmiem iċ-ċeremonja x’inhuma l-aspetattivi tiegħu bħala mexxej tal-Knisja f’Malta, l-Arċisqof Charles Scicluna qal li l-impenn tiegħu se jkun li jqarreb lill-poplu Malti lejn Alla.
//= $special ?>