Ambjent Lokali

Il-kaċċa fir-Rebbiegħa hija permessibbli u sostenibbli

Djalogu ġewwa r-Rabat, Għawdex organizzat mill-Moviment Iva, Bħala Maltin u Ewropej dalgħodu ddiskuta l-fatti u l-istatistika li juru li l-kaċċa fir-rebbiegħa hija permessibli mill-Unjoni Ewropea u sostenibbli skond il-mekkaniżmi stretti tal-liġijiet lokali u Ewropej.

Il-kelliema Dr. Kathleen Grima u Joe Perici Calascione fakkru li kemm il-Kumitat Ornis, kemm Gvernijiet differenti u anke l-Kummissjoni Ewropea aċċettaw il-fatt li m’hemm l-ebda alternattiva għall-istaġun tar-Rebbiegħa fil-Ħarifa. Jirriżulta wkoll li anke l-kelliem ewlieni tal-‘Le’, Saviour Balzan, meta kien parti mit-tim tan-negozjati ta’ Malta mal-Unjoni Ewropea ddikjara li “l-passa tal-gamiem u s-summien fil-Ħarifa hija insinifikanti u l-għeluq tal-istaġun tar-Rebbiegħa jkun ifisser it-tmiem tal-kaċċa minn ġewwa pajjiżna.”

Tant kemm din l-alternattiva ma teżistix li l-Kumitat Ornis innifsu kien intalab li jqassar l-istaġun tal-kaċċa fil-Ħarifa għall-gamiem u s-summien, meta jpassu ftit li xejn gamiem u summien u f’żoni speċifiċi biss tal-gżejjer Maltin.
Il-Kummissjoni Ewropeja, fil-fatt, kienet infurmata sa minn qabel is-sħubija, li Malta kienet se tapplika deroga biex tippermetti l-kaċċa fir rebbiegħa għall-gamiem u s-summien.

Waqt id-djalogu intqal li fl-EU Common Position (CONF-M 110/02) tas-27 ta’ Settembru 2002, jiġifieri waqt in-negozjati bejn Malta u l-Unjoni Ewropea, ġie ddokumentat li:

“L-UE qed tieħu nota li Malta qed tindika li r-rebbiegħa hija l-perjodu prinċipali tal-kaċċa, u biex b’hekk tkun konformi ma Artiklu 7 tas-sħubija, r-regolamenti tal-kaċċa ser jiġu emendati. L-UE ukoll qed tieħu nota tal-istqarrija ta’ Malta li se tillimita’ il-kaċċa fir-rebbiegħa għall żewġ speċi biss billi tapplika deroga taħt artiklu 9 tad-Direttiva.”

Dr. Kathleen Grima fakkret li din mhux kampanja tal-kaċċaturi biss u l-poplu mhux qed jiblagħha li l-liġi tar-Referenda saret biss minħabba l-kaċċa fir-Rebbiegħa u l-insib. Minn naħa tiegħu Joe Perici Calascione qal li l-poplu huwa konxju li dan ir-referendum huwa inizjattiva perikoluża tal-Alternattiva Demokratika, li llum huwa missieħeb mall-BirdLife Malta. L-istess Partit Politiku li f’aktar minn okkażjoni waħda attakkaw attivitajiet rekreattivi oħra bħal-logħob tan-nar, il-Karnival, is-sajd u oħrajn, u li issa qed jipprova jiggverna minn barra l-Parlament.

Stqarrija ta’ l-istess moviment Iva saħqet li persuni minn kull settur tal-ħajja qed jingħaqdu mal-kamanja ‘IVA’ u dan għaliex jemmnu li Malta għandha dritt li tapplika deroga bħal pajjiżi oħra Ewropej u li l-ebda attivita’ rekreattiva tal-Maltin u Għawdxin ma għanda tiġi attakkata b’dan il-mod abbużiv.