Fi stqarrija l-Enemalta ħabbret li qed tħejji biex tixgħel il-Malta-Sicily Interconnector hekk kif bdew l-aħħar testijiet fuq l-apparat ta’ din is-sistema.
Sa minn Jannar li għadda, inġiniera tal-Enemalta segwew il-fażijiet differenti tal-provi tal-Interconnector, li qed isiru mill-kuntrattur ta’ dan il-proġett, il-kumpanija Nexans. Il-partijiet kollha tas-sistema, fosthom l-apparat ta’ kontroll, monitoraġġ u komunikazzjoni bejn iż-żewġ terminals fil-Magħtab, Malta u f’Ragusa, Sqallija diġa ġew ittestjati individwalment. Din il-ġimgħa, l-Enemalta studjat ir-riżultati ta’ dawn il-provi u approvat il-bidu tal-aħħar testijiet.
Il-provi finali, li jinkludu s-sinkronizzazzjoni tas-sistema tad-distribuzzjoni ta’ Malta ma’ dik fi Sqallija, mistennija jibdew fil-ġimgħat li ġejjin. Il-kumpanija qed tistudja l-aspetti differenti involuti f’dan l-iżvilupp u qed tieħu għadd ta’ miżuri biex tnaqqas ir-riskji fuq is-sistema tad-distribuzzjoni ta’ Malta. Is-sezzjonijiet tal-ġenerazzjoni u tad-distribuzzjoni tal-elettriku ser idaħħlu fis-seħħ aktar prekawzjonijiet biex jiġi żgurat li s-servizz lill-klijenti ma jiġix affettwat b’dawn it-testijiet.
Inġiniera ta’ Nexans speċjalizzati fl-operat tal-interconnectors ser ikunu f’Malta u fi Sqallija biex jgħinu lill-Enemalta fil-kordinazzjoni tal-ewwel sinkronizzazzjoni taż-żewġ sistemi tad-distribuzzjoni.
Il-Malta-Sicily Interconnector jinkludi sistema ta’ 120 kilometru high voltage alternating current (HVAC) li twassal il-kurrent elettriku minn naħa għal oħra, b’kapaċità ta’ 200MW ta’ elettriku. Fi Sqallija, l-Interconnector jaqbad mas-sistema tad-distribuzzjoni Taljana b’230kV, ġewwa substation tal-kumpanija tad-distribuzzjoni Terna. Is-submarine cable minn qiegħ il-baħar jitla’ l-art f’Qalet Marku, Baħar iċ-Ċagħaq u jittrażmetti l-elettriku b’132kV fis-sistema tad-distribuzzjoni Maltija permezz ta’ terminal station li nbena Il-Magħtab.
Il-proġett tal-Malta-Sicily Interconnector kien proġett importanti ta’ żmien il-gvern Nazzjonalista mmexxi mill-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi. Proġett intiż sabiex pajjiżna jkollu provista ta’ l-elettriku stabbli u sigura.
//= $special ?>