Lokali Parlament Saħħa

L-Oppożizzjoni tilqa’ kull tip ta’ investiment u inizjattivi fis-settur tas-saħħa – Twissi li ma jistax jidħak bil-poplu

L-Oppożizzjoni tilqa’ kull tip ta’ investiment u inizjattivi fis-settur tas-saħħa iżda twissi lill-Gvern li ma jistax jidħak bil-poplu u jirrepeti l-istorja tinten meta minn wara dahar il-poplu ftiehem mal-kumpanija tal-istat Ċiniż dwar is-settur tal-enerġija.

Ix-Shadow Minister għas-Saħħa Claudette Buttigieg fi tmiem id-dibattitu fil-Parlament dwar il-mozzjoni li ressqet l-Oppożizzjoni biex jiddaħħal il-prinċipju li pazjent ikun jista’ jagħżel li jagħmel l-intervent mediku fil-privat lokalment, irrimarkat li l-istorja li ppreżenta l-Gvern dwar l-iżviluppi ppjanati li jitwettqu fis-snin li ġejjin għas-settur tas-saħħa, hi sabiħa u tixtieq temmen, iżda li fil-prattika, u fil-mod li ppreżentaha l-Gvern u tkellem dwarha, hemm ħafna dubji serji.

Storja li fiha ssemmew għal darb’ohra miljuni kbar u li tinten bħalma kienet l-istorja wkoll b’ħafna suspetti marbuta mal-investiment f’power station ġdida li suppost lesta u lanqas ġebla s’issa għad m’hemm.

Staqsiet jekk l-investiment li tħabbar għas-settur tas-saħħa ta’ €200 miljun, hux diġà f’idejn il-Gvern għaliex bil-mod kif tkellem ta l-impressjoni li l-investiment diġà konkluż, li jaf ma’ min se jkun qiegħed jinnegozja fl-istess nifs li ħabbar ukoll u li se tinħareġ espressjoni ta’ interess.

Quddiem il-ftaħir tal-Gvern illum li se jkun qiegħed iwettaq dan l-iżvilupp flimkien ma’ investituri privati, Claudette Buttigieg sejħet il-pożizzjoni li kien ħa l-Partit Laburista qabel l-elezzjoni dwar it-taħditiet ta’ Gvern Nazzjonalista ma’ investituri privati dwar l-Istar St Philip’s, bħala tal-mistħija. Partit Laburista li kien tkaża u bezza’ meta llum biddel id-diska u qiegħed hu jagħmel negozjati mal-privat.

Claudette Buttigieg staqsiet jekk il-Gvern ftiehemx diġà minn wara dahar kulħadd bħalma għamel mal-kumpanija tal-istat Ċiniż dwar is-settur tal-enerġija; jekk il-Partit Laburista ltaqax mal-investituri privati qabel l-elezzjoni jew wara l-elezzjoni; u meta ltaqa’ l-ewwel darba magħhom u ma’ min iltaqa’.

Fid-dibattitu fil-Parlament tkellem ukoll id-Deputat u Whip tal-Grupp Palamentari Nazzjonalista, David Agius, li kkritika lill-Gvern li dam kważi sena milli jressaq din il- mozzjoni fil-Parlament,

Id-Deputat Nazzjonalista Frederick Azzopardi intervjna wkoll fid-dibattitu u fisser kif l-Oppożizzjon se tibqa’ tiskrutinja l-ħidma tal-Gvern iżda se tkompli tkun proattiva biex dan is-settur jibqa’ jiżviluppa b’deċiżjonijiet biex titwettaq politika fit-tul.