“Malta qatt ma nnegozzjat il-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa tar-rebbiegħa, kif qed jalleggaw il-ħin kollu il-kampanja negattiva organizzata mill-kaċċaturi.” Dan qalu Mark Sultana, il-kelliem għall-kampanja SHout.
Huwa kompla jgħid li fit-trattat għad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea,Malta wegħdet li tħares il-liġijiet tal-UE dwar il-ħarsien tal-għasafar.
“It-trattat qatt ma rrefera għad-deroga tal-Kaċċa fir-Rebbiegħa f’Malta. Il-liġi dwar il-ħarsien tal-għasafar tagħti lill-Istati Membri l-possibilità li jagħmlu deroga, imma ma jfissirx li d-deroga ħa tiġi aċċettata. Fil-fatt, meta Malta applikat għal deroga biex tiftaħ il-kaċċa fir-rebbiegħa, ħadet ħsiebha il-Qorti tal-Ġustizja Ewropea u sabet li dan hu ksur tad-direttiva,” kompla Mark Sultana.
Bil-kontra ta’ dak li jingħad mill-kampanja tal-‘Iva’, il-kaċċa tar-rebbiegħa mhix ‘approvata mill-UE’, fejn għad hemm il-każ tal-Kummissjoni Ewropea kontra Malta dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa llegali liema każ għadu miftuħ saħaq il-kelliem tal-kampanja SHout.
Il-kelliem ta’ SHout saħaq li taħt il-Liġi Ewropea, il-qtil ta’ għasafar tas-salvaġġ mhux permess, għalkemm hemm xi speċi li tista’ ssir kaċċa fuqhom, sakemm din il-kaċċa ma ssirx waqt l-istaġun tat-tgħammir jew waqt li jkunu qed ipassu fir-rebbiegħa. Fiż-żmien tal-Isħubija fl-UE fl-2004, ma kienx hemm l-ebda ftehim formali li permezz tiegħu Malta setgħet tħalli l-kaċċa fir-rebbiegħa, iżda staġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa nfetaħ kull sena sakemm intervjeniet il-Kummissjoni Ewropea fl-2007, fejn tellgħet lil Malta l-qorti talli “ma pprovdietx ħarsien xieraq lill-għasafar.”
Mark Sultana, il-kelliem għall-Kampanja SHout kompla billi qal li, “Din l-idea li l-kaċċa tar-rebbiegħa hija ‘approvata mill-UE’ hija sempliċiment informazzjoni żballjata mill-kampanja tal-kaċċaturi, li għandha l-għan li tfixkel lill-pubbliku. Il-qtil tal-għasafar li jkunu fi triqthom biex jirripproduċu hija llegali taħt il-liġi tal-UE, u Malta instabet ħatja mill-ogħola qorti fl-Unjoni Ewropea – bil-każ għadu miftuħ.”
Mark Sultana kompla jżid li “l-ebda pajjiż ieħor fl-Ewropa ma jippermetti l-qtil ta’ gamiem u summien fir-rebbiegħa, meta jkunu fi triqithom biex jirripproduċu. Ir-referendum huwa ċans għal Malta biex turi li hi pajjiż Ewropew progressiv billi twaqqaf il-kaċċa fir-rebbiegħa hawn ukoll”
//= $special ?>