Lokali Saħħa

Paul Pace jirreżenja mill-MUMN – Maria Cutajar il-President il-ġdid

Ftit tal-ħin ilu fi stqarrija l-MUMN ħabbret b’mod uffiċjali li Maria Cutajar kienet il-President il-ġdid. Colin Galea ġie maħtur bħala Segretarju Ġenerali filwaqt li Noel Camilleri ġie maħtur Viċi President u George Saliba Segretarju Finanzjarju.

L-istqarrija tal-MUMN rringrazzjat lil Paul Pace filwaqt li ġie mħabbar li Pace ġie maħtur b’mod unanimu bħala President Onorarju tal-Union.

Aktar kmieni ….

Wara li aktar kmieni Paul Pace ħabbar ir-riżenja tiegħu mill-MUMN MaltaRightNow.com issa jista’ jiżvela li l-President il-ġdid tal-union tal-infermiera u l-qwiebel ser tkun Maria Cutajar. Colin Galea ser ikun qiegħed iservi fil-kariga ta’ Segretarju.

Aktar kmieni ….

Il-President tal-MUMN Paul Pace f’ittra lill-membri tal-bord tal-union tal-infermiera u l-qwiebel ħabbar li kien qiegħed jirreżenja mill-bord b’effett immedjat. F’ittra Pace qal li l-ġurnal The Times of Malta kien diġa ħabbar informazzjoni interna dwar it-tmexxija tal-union minkejja li għadha ma’ saritx il-laqgħa sabiex jiġi elett l-President tal-MUMN. Pace saħaq li jidher li s-source huwa informat aħjar minnu.

Fl-ittra tiegħu huwa rringrazzja ll-infermiera u l-qwiebel tal-kontribut tagħhom. Saħaq ukoll li huwa ċar li huwa tilef l-appoġġ tal-membri tal-Kunsill fejn minkejja li ġie elett ġie fit-tminn post min fost dawk eletti.

Paul Pace qal li huwa dejjem ħadem fl-interess tal-membri b’passjoni u għal ħinijiet twal. Qal li huwa kburi b’dak miksub taħt il-Presidenza tiegħu.

Paul Pace ddeskriva r-rwol tiegħu bħala wieħed ta’ unur kbir għalih filwaqt li qal li r-riżenja tiegħu kienet ser tkun l-aħħar email minn naħa tiegħu.

Huwa temm l-ittra tar-riżenja b’sempliċi ‘Good Bye to all’.