Lokali

Eks-Sindku Laburista jeħodha kontra s-Sindku Laburista preżenti

Hekk kif ninsabu biss ftit ġimgħat ‘il bogħod mill-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, ikomplu jiżdiedu l-botti u l-attakki mill-eks Sindku Laburista ta’ Ħaż-Żebbuġ Brian Bonnici. Attakki, li minkejja li qatt ma jsemmieh b’ismu, huma diretti lejn is-Sindku Alfred Grixti.

Fuq Facebook, Brian Bonnici kiteb diversi drabi jappella għal vot favur il-maġġoranza Laburista fil-lokalita’ iżda fl-istess waqt, vot favur il-bidla fit-tmexxija tal-lokalita’.

F’post partikolari Bonnici jikteb li f’April kollox għandu jkun IVA, “iva għal tmexxija Laburista f’Ħaż-Żebbuġ, iva għal bidla fit-tmexxija tal-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ, iva għal għaqal u serjeta’ u iva għal sindku Żebbuġi mill-ġuf”

F’post oħra Bonnici iħeġġeġ liż-Żebbuġin biex jivvotaw favur “nifs ġdid u futur sod u xieraq lil Ħaż-Żebbuġ li jkun immexxi minn Żebbuġin ta’ veru”

L-eks Sindku Laburista żied id-doża u f’post oħra appella sabiex jivvutat favur maġġoranza Laburista “imma daqstant ieħor importanti li jivvutaw għal bidla fit-tmexxija” u kiteb li kif inhuma ma jistgħux jibqgħu zgur.