Lokali

“Il-ħidma tal-Kunsill Lokali tal-Mosta eżempju ċar tar-riżultati li jikseb il-PN”

Il-ħidma kbira li wettaq il-Kunsill Lokali tal-Mosta fl-aħħar tliet snin huwa eżempju ċar u konkret ta’ kemm il-Partit Nazzjonalista jwettaq differenza fuq livell lokali.

Il-Kunsill Lokali mmexxi b’maġġoranza tal-Partit Nazzjonalista wettaq bidliet kbar fil-Mosta – minn Kunsill Lokali li ma jiffunzjonax għal wieħed li jiffunzjona u li wettaq numru ta’ proġetti.

Waqt djalogu fil-Mosta, ix-Shadow Minister tal-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici u x-Shadow Minister tal-Ekonomija Claudio Grech taw ħarsa lejn il-bidliet li saru fil-Mosta fit-tliet snin li għaddew.

Paula Mifsud Bonnici tkellmet ukoll dwar il-mod kif il-Gvern Laburista jagħżel li jonfoq flusu, fost l-oħrajn billi jagħti paga ta’ €85,000 lil Cyrus Engerer, minkejja r-rekord kriminali li għandu. Hi sostniet ukoll li l-ġid fil-pajjiż mhux qed jitqassam b’mod ġust, u dawk l-aktar vulnerabbli, fosthom l-anzjani, s-single parents u l-persuni b’diżabilità jixirqilhom hafna aktar.

Claudio Grech irrefera għall-iskandlu tal-Minstru Konrad Mizzi li ndaħal hu nnifsu fl-ghażla tal-kumpanija li tagħmel il-hedging dwar iż-żejt, jiġifieri l-kumpanija tal-Gvern tal-Ażerbajġan SOCAR. B’dan l-indħil mill-Ministru, il-poplu Malti u Għawdxi ħallas fost l-ogħla prezzijiet tal-petrol u d-diesel fl-Unjoni Ewropea, tant li l-Korporazzjoni Enemalta għamlet telf ta’ €14-il miljun.

Għad-djalogu attendew ukoll il-kandidati tal-Partit Nazzjonalista fil-Mosta, kif ukoll id-Deputati tad-distrett.