Lokali

Il-PN għandu jkun l-alternattiva għall-politika ta’ Joseph Muscat – Simon Busuttil

Il-Partit Nazzjonalista għandu jagħmel id-differenza billi joffri alternattiva ċara u b’saħħitha għall-politika ta’ Joseph Muscat u juri li hemm mod differenti ta’ kif tista’ ssir il-politika.

Meta kien qed jitkellem f’Għajnsielem nhar il-Ħadd filgħodu, il-Kap tal-PN qal li l-iktar mod kif il-politika tal-PN għandha tkun differenti minn dik ta’ Joseph Muscat huwa billi din tkun mibnija fuq l-onestà u l-verità kuntrarju għall-politika ta’ Joseph Muscat li hija msejsa fuq il-gideb u n-nuqqas ta’ trasparenza kif jixhdu l-każijiet tal-Cafe Premier u l-indħil fil-hedging fix-xiri taż-żejt.

Simon Busuttil qal ukoll li l-politika tal-PN għandha turi li l-gvern għandu jmexxi viċin in-nies kuntrarju għall-Gvern Laburista li, anke f’Għawdex, neħħa l-edukazzjoni u s-saħħa mir-responsabilitajiet tal-Ministeru għal Ghawdex u b’hekk id-deċiżjonijiet ma baqgħux jittieħdu viċin il-poplu. L-istess fil-ka tal-Kunsilli Lokali, fejn Muscat naqqar il-fondi biex dawn ma jistgħux jaħdmu fl-interess tar-residenti.

Il-Kap tal-PN qal li l-politika tal-PN għandha toffri opportunità għal kulħadd kuntrarju għall-politika ta’ Joseph Muscat li, b’ħatriet bħal dik li ta lil Cyrus Engerer, jaqta’ qalb lil min jagħżel biex jibqa’ jistudja biex jipprogressa fil-karriera tiegħu.

Il-politika tal-Partit Nazzjonalista għandha tkun differenti wkoll anke fuq livell ekonomiku bil-Kap tal-PN jisħaq li din għandha tkun imsejsa fuq il-prinċipju li l-ġid għandu jitqassam bl-iktar mod ġust kuntrarju għall-politika ta’ Jospeh Muscat li ta biss 58c lill-familji.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN saħaq ukoll li l-politika tal-PN għandha tkun mibnija fuq il-libertà kuntrarju għall-politika ta’ Joseph Muscat li reġgħet daħħlet il-biżgħa fost il-poplu.

Dwar l-investiment li tħabbar fil-qasam tas-saħħa, Simon Busuttil qal li, filwaqt li tħabbar dan l-investiment, il-Ministru tas-Saħħa Konrad Mizzi qal li għad trid toħroġ sejħa għall-offerti u staqsa jekk il-Ministru hux diġà jaf lil min se jagħti l-kuntratt. “Kull fejn ikun hemm Konrad Mizzi ikun hemm it-taħwid” saħaq Simon Busuttil.

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Kap tal-PN Simon Busuttil qal li l-obbligu tagħna huwa li, bil-vot tagħna nhar il-11 ta’ April, nuru li l-Oppożizzjoni hija alternattiva politika għall-Gvern ta’ Joseph Muscat.