Il-Prim Ministru Libjan Abdullah al-Thinni semma l-ħtieġa li l-komunita internazzjonali tapprezza tassew il-gravita tat-theddida terroristika interna li qed tiffaċċja l-Libja.
Al-Thinni, li jmexxi l-Gvern Libjan f’Tobruk li jgawdi l-għarfien tal-barranin, wissa li t-theddida għandha l-potenzjal li tinfirex madwar it-territorji tal-Afrika ta’ Fuq u lejn l-Ewropa. Fl-istess ħin, hu spjega li l-uniċi pajjiżi li huma verament konxji mill-periklu huma l-Eġittu, l-Emirati Għarab, il-Ġordan u l-Arabja Sawdija.
Al-Thinni insista li l-konflitt f’pajjiżu mhux wieħed politiku bejn l-entitajiet Libjani iżda gwerra assoluta kontra t-terroriżmu. Il-Prim Ministru kompla li l-problema tat-terrur qed tiżdied u li l-isforzi tal-Libjani biex irażżnuha għandhom jisfumaw jekk il-komunita internazzjonali ma tipprovdihomx appoġġ akbar.
Min-naħa tiegħu, il-Ġeneral Khalifa Haftar, li jikkmanda l-qawwiet tal-Libja, wissa li jekk il-Punent ma jipprovdix l-armi u l-munizzjon lill-Armata tiegħu biex tikkumbatti lill-ISIS, għandha tkun biss kwistjoni ta’ xhur sakemm it-terroristi jinfiltraw fl-Ewropa.
Haftar sostna li l-Armata Nazzjonali tal-Libja, li hi leali għall-Gvern ta’ Tobruk, għandha numru sostanzjali ta’ suldati iżda teħtieġ l-armi biex tkun tista’ tegħleb lill-ISIS fl-artijiet tagħha.
Il-Ġeneral wissa, waqt intervista, li t-terroristi tal-ISIS se jkunu jistgħu jidħlu fl-Ewropa ‘bl-istess mod tal-immigranti’, u wara li jkunu qasmu l-Mediterran bid-dgħajjes.
//= $special ?>