Lokali

Aġġornata: Pulizija kien fil-periklu tal-mewt

Aġġornata:

Sorsi li tkellmu ma’ dan is-sit ikkonfermaw li l-ġuvni ta’ 26 sena huwa membru tal-Korp tal-Pulizija li jaħdem fit-Taqsima tal-Kontroll tat-Traffiku.

Iktar kmieni:

Ilbieraħ filgħaxija għall-ħabta tad-disgħa, il-Pulizija ġiet infurmata li kienet seħħet ħabta bejn tlett vetturi fi Triq tal-Barrani, Ħal-Tarxien.

Minn stħarriġ preliminari illi sar irriżulta li l-ewwel kien hemm impatt bejn vettura ta’ tip Toyota Vitz li kienet qegħda tinstaq minn raġel ta’ 45 sena, residenti San Ġiljan, u vettura ta’ tip Honda Prelude misjuqa minn ġuvni ta’ 23 sena, residenti Ħaż-Żabbar.

Iż-żewġ vetturi kienu sejrin fid-direzzjoni ta’ Ħal Tarxien.

Mal-ħabta, ix-xufier ta’ 23 sena tilef il-kontrol tal-vettura tiegħu, qabeż is-central strip u kellu impatt ma’ vettura ta’ tip Opel Astra li kienet misjuqa minn ġuvni ta’ 26 sena, residenti l-Imġarr.

Fuq il-post issejħu tlett ambulanzi kif ukoll membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li ħarġu żewġ persuni mill-vetturi tagħhom.

Ix-xufier ta’ 45 sena u l-passiġġier li kien hemm miegħu, mara ta’ 28 sena, residenti San Pawl il-Baħar, ma sofrew l-ebda ġrieħi.

Ix-xufier ta’ 23 sena sofra ġrieħi ta’ natura gravi iżda mhux fil-periklu li jitlef ħajtu filwaqt li l-passiġġier li kellu miegħu, tfajla ta’ 21 sena residenti Ħaż-Żabbar sofriet ġrieħi ta’ natura ħafifa.

Il-ġuvni ta’ 26 sena jinsab f’qagħda stabbli għalkemm għal ċertu ħin huwa ġie ċċertifikat li jinsab f’qagħda kritika.

Il-Maġistrat tal-Għassa Dr C. Straface Zammit LL.D ġiet infurmata dwar dan il-każ fejn ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.