Lokali

“Jibqa’ jinsisti li r-roadmap qed titwettaq”

Minkejja li għaddew iktar minn sentejn u l-power station li magħha kien rabat il-futur politiku tiegħu għadha ma tfaċċatx, il-PM Joseph Muscat jgħid li r-road map tal-Gvern qed jitwettaq b’suċċess.

Waqt laqgha għall-partitarji fil-Qala, il-Mexxej Laburista qal li jitbissem fis-summit tal-UE għaliex il-mexxejja Ewropej iridu jagħmlu dak li diga’ qed jaghmel hu, jigifieri iktar kuntatti mac-Cina u l-Azerbajgan.

Muscat tkellem ukoll dwar il-qasam tas-saħħa u ftaħar b’investiment mis-settur privat f’Għawdex u qal li dan juri li Għawdex ma jieħux il-loqom ta’ Malta iżda jaqsam b’mod ekwu fl-investimenti li jiġu lejn il-pajjiż.

Dwar ir-referendum tal-11 ta’ April, filwaqt li tenna l-pożizzjoni tiegħu li se jivvota favur il-kaċċa fir-Rebbiegħa, Muscat wissa li jiġri x’jiġri wara ir-referendum, il-Gvern mhux se jittollera illegalitajiet.

Fi stqarrija, il-PN irrefera għal dak li qal Muscat fil-Qala li l-problemi dawwarhom f’opportunitajiet. Żgur li l-aktar wieħed li japprezza dak li qal Muscat huwa Cyrus Engerer, li filwaqt li nstab ħati mill-Qorti Kriminali, ngħata paga sabiħa ta’ €85,000.

Hemm oħrajn li l-problema tagħhom inbiddlet f’opportunità, bħall-Brigadier tal-Forzi Armati, li għaliex hu ħabib personali ta’ Muscat, ngħata erba’ promozzjonijiet f’daqqa.

Michelle Buttigieg, il-partner tal-mara ta’ Muscat, ukoll ingħatat opportunità tajba b’paga ta’ €60,000 fis-sena fi New York, waqt li fl-istess ħin, qed tirreklama l-kumpanija tagħha fl-Istati Uniti.

Opportunità oħra li ħadet kienet il-mara tal-Ministru Konrad Mizzi li ngħatat paga ta’ €13,000 fix-xahar waqt li tinsab iċ-Ċina.
Sfortunatament, iżda, l-opportunitajiet mhumiex l-istess għal kulħadd. Il-pensjonanti li mhumiex ilaħħqu bil-pensjoni, u l-familji Maltin u Għawdxin li mhumiex iwasslu sal-aħħar tax-xahar mhux qed igawdu mill-istess opportunitajiet, ittemm l-istqarrija.