Id-deċiżjoni tal-Kunsill Laburista tal-Ħamrun, li jwettaq proġett ta’ immodernizzar fi Pjazza Fra Diegu bil-konsegwenza li se jnaqqas l-ispazju miftuħ għall-pubbliku f’din il-pjazza, qed tkompli tqajjem aktar kritika lejn il-Kunsill immexxi mis-Sindku Laburista Vince Bonello.
Il-proġett qed jiġi ssuġerit minn sid ta’ kjosk fi pjazza Fra Diegu u jinkludi mhux biss l-immodernizzar tal-kjosk, iżda wkoll il-ħolqien ta’ parkeġġi ġodda mal-pjazza; bil-konsegwenza li l-pjazza se tiċkien għall-pubbliku.
Il-każ imur lura f’Novembru tas-sena li għaddiet, meta wara diżgwid bejn il-Kunsillieri Laburisti tal-Ħamrun, is-Sindku Laburista Vince Bonello ressaq vot quddiem il-Kunsill fin-nuqqas tal-Viċi-Sindku Laburista, li kien qed iżomm l-istess argument tal-Kunsillieri Nazzjonalisti – jiġifieri pożizzjoni li l-proġett fi Pjazza Fra Diegu hu wieħed li se jnaqqas l-ispazju għall-pubbliku.
B’hekk, bi tlett voti kontra l-approvazzjoni tal-proġett mill-Kunsillieri Nazzjonalisti, u tlett voti oħra favur il-proġett mill-Kunsillieri Laburisti – u bin-nuqqas tal-Viċi-Sindku Laburista li kien qed jappoġġja l-Kunsillieri Nazzjonalisti; il-Kunsill approva l-proġett grazzi għall-casting vote tas-Sindku Laburista.
Il-mossa tas-Sindku Vince Bonello li jressaq il-vot meta l-Vici-Sindku Laburista ma kienx preżenti, wera biċ-ċar id-dizgwid bejn il-Kunsillieri Laburisti.
Il-pozizzjoni tal-Kunsillieri Nazzjonalisti hu li l-Hamrunizi se titteħdilhom parti mill-pjazza sabiex jiġi aġevolat sid il-kjosk; u li l-pjazza saret ta’ indivdwu – sid il-kjosk – u mhux tal-Ħamrunizi kollha. Qed jargumentaw li huma mhumiex kontra proġett ta’ immodernizzar, iżda l-priorjita’ għandha tkun ir-residenti Ħamrunizi u l-ispazju miftuħ għalihom.
//= $special ?>