Internazzjonali

L-Armeni jakkużaw lill-Ażerbajġan bħala theddida għar-reġjun

L-Armenja akkużat lill-Ażerbajġan li qed jimponi theddida serja għas-sigurta u l-istabbilta fir-reġjun delikat. Dan wara li, fl-aħħar jiem, irranka l-konflitt bejn il-ġirien dwar it-territorju ta’ Nagorno-Karabakh fejn spiċċaw tilfu ħajjithom numru ta’ militar.

Il-Gvern Armen insista li l-Ażerbajġan qed jippersisti b’sekwenza ta’ inċidenti militari u provokazzjonijiet fl-inħawi ta’ Nagorno-Karabakh li jinsab lejn in-Nofsinar tal-Kawkasu u li ilu s-snin suġġett għall-politika aggressiva mit-Tmexxija f’Baku.

Fl-istess ħin, l-awtoritajiet Armeni huma mħassbin dwar l-eskalazzjoni tal-ġlied f’Nagorno-Karabakh li hu Stat mhux rikonoxxut, fejn il-maġġoranza tar-residenti huma Armeni etniċi u li, fl-istess ħin, hu kompletament imdawwar mit-territorji Ażeri.

L-Ażerbajġan, sadanittant, ċaħad ir-rapporti tal-Armeni li akkużawh talli bagħat il-qawwiet speċjali tiegħu biex jattakkaw il-pożizzjonijiet speċifiċi f’Nagorno-Karabakh. Il-Gvern tal-Ażerbajġan, fl-istess ħin, irrifjuta li kellu l-intenzjonijiet għal forma ta’ sabutaġġ.

L-Armenja u l-Ażerbajġan kemm il-darba akkużaw lil xulxin dwar inizjattivi biex jixprunaw mill-ġdid il-konflitt, bl-inkwiet dwar Nagorno-Karabakh jiżbroffa, fl-1988, meta r-reġjun inkwistjoni kien ħabbar l-intenzjonijiet biex jikseb l-indipendenza mill-Ażerbajġan u jibda jifforma parti mill-Armenja.