Ambjent Lokali

SHOUT tniedi music video b’messaġġ kontra l-kaċċa fir-Rebbiegħa

Il-Kampanja SHOUT kontra l-kaċċa fir-Rebbiegħa nediet video mużikali bil-messaġġ tal-kampanja għar-Referendum dwar il-kaċċa fir-Rebbiegħa tal-11 ta’ April li ġej.

Il-video hu cover tal-kanzunetta SHOUT tal-grupp Ingliż Tears for Fears iffurmat fis-snin 80, u kien ippreżentat mill-preżentatur tar-radju Frank Zammit, bil-vuċi ta’ Gianni, Nick Morales u Alison Galea mill-grupp Beangrowers.

Il-perkussjonisti Renzo Spiteri u Benji Cachia mill-grupp No Snow No Alps ikkontribwew bil-mużika tagħhom.

F’intervisti qosra waqt it-tnedija ta’ dan il-video, l-artisti li taw sehemhom għal din il-kanzunetta tennew it-twemmin tagħhom li l-kaċċa fir-Rebbiegħa għandha tieqaf u qalu li qed iwasslu l-messaġġ tagħhom bl-iktar mezz importanti fil-ħajja taghhom – il-mużika.

Il-kanzunetta tista’ titniżżel minn Soundcloud u l-video qed jintwera fuq ic-Channel tal-kampanja SHOUT fuq Youtube.