Internazzjonali

Tikber il-kriżi tal-Jemen

Il-gruppi tar-ribelli ma’ minoranza tax-X’iti fil-Jemen ħatfu l-ajruport u diversi bnadi ta’ Taiz, fi żmien meta l-Kunsill tas-Sigurta tan-Nazzjonijiet Uniti kien qed jiddiskuti b’urġenza is-sitwazzjoni tas-sigurta f’dan il-pajjiż Għarbi.

Il-Jemen ilu l-aħħar xhur f’limbu politiku u mindu r-ribelli ‘Houthi’ ħatfu l-belt kapitali Sanaa. Intant, il-President tal-Jemen, Abdrabbuh Mansour Hadi, ikun kostrett li jaħrab lejn il-belt ta’ Aden, lejn in-Nofsinar tal-pajjiż.

Il-vjolenza fil-Jemen qed tirranka bis-sehem tad-diversi movimenti armati li, minbarra r-ribelli ‘Houthi’, jinkludu t-terroristi tal-ISIS u tal-grupp Al-Qaida.

Fi tmiem il-ġimgħa, l-Istati Uniti qalet li kienet qed tirtira s-suldati tagħha mill-Jemen minħabba li s-sitwazzjoni tas-sigurta qed taqleb dejjem għall-agħar.

Sadanittant, it-terroristi tal-ISIS qed jirnexxilhom jikkontrollaw aktar artijiet fil-Jemen wara li kienu waqqfu bażi fil-pajjiż f’Novembru li għadda. Kelliema għall-ISIS anki ħadu responsabbilta għal attakki suwiċida li seħħew, nhar il-Ġimgħa, kontra żewġ moskej tal-Houthi, fl-inħawi ta’ Sanaa.