Numru ta’ arkeoloġisti, akkademiċi u riċerkaturi ħadu sehem f’servizz funebri uniku għar-Re Rikkardu III fl-inħawi ta’ Leicester, bit-tebut tar-Re, fil-preżent, qed jinżamm fil-Kattidral ta’ din il-belt qabel id-difna formali ta’ nhar il-Ħamis.
Ir-Re Rikkardu kien inqatel fil-Battalja ta’ Bosworth tal-1485 u jibqa’ l-aħħar Re tal-Ingilterra li spiċċa jitlef ħajtu waqt l-eqqel ta’ konflitt. L-iskeletru tiegħu kien instab, fl-2012, ġo monasteru antik li spiċċa taħt sit għall-parkeġġ u bl-identita tar-Re tkun ikkonfermata wara l-proċessi dovuti.
Id-dixxendenti tar-Re ukoll kienu preżenti għaċ-ċerimonja talbieraħ kif ukoll għall-korteo fejn it-tebut ta’ Rikkardu tmexxa b’karozzell, miġbud miż-żwiemel, mill-Universita ta’ Leicester sal-Kattidral u fejn in-nies (waqt il-purċissjoni) setgħu jsellmu lill-memorja tar-Re b’mod xieraq u dinjituż.
Il-korteo għadda mill-inħawi ta’ Leicester li huma assoċjati mar-Re Rikkardu III, bil-programm tal-avvenimenti u ċerimonji jinkludi wkoll velja mill-membri ta’ grupp li jinterpretaw il-ġrajjiet storiċi fil-Bosworth Battlefield Heritage Centre.
//= $special ?>