Lokali

Żewġ Rumeni jinqabdu wara serqa minn ħanut fil-Belt

Żewġ Rumeni jinsabu akkużati li serqu minn ħanut fi Triq ir-Repubblika l-belt Valletta, wara rapport li sar fl-għassa tal-belt.

Il-każ seħħ kmieni s-Sibt wara nofsinhar, u l-Pulizija żaret il-post ftit tal-ħin wara. Ftit ‘il bogħod mill-ħanut partikolari ntlemħu wkoll grupp ta’ tliet min-nies, b’persuni fil-ħanut jinfurmaw lil Pulizija li dawn kienu l-ħallelin.

Il-persuni ħarbu minn fuq il-post, bil-Pulizija issegwihom u jirnexxielha tieħu tnejn minnhom sal-għassa għal aktar investigazzjoni.

Fil-pussess tagħhom instabu diversi oġġetti li kienu nsterqu mill-ħanut, kif ukoll telefonu ċellolari li kien insteraq fil-ġimgħat ta’ qabel.

Ir-Rumeni nqabdu mill-Pulizija tad-Distrett taħt id-direzzjoni tal-ispetturi Stephen Mallia u Prisilla Caruana.