Il-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) tinsisti mal-Gvern li tingħata l-informazzjoni meħtieġa dwar il-proġetti li tħabbru għall-iżvilupp ta’ sptar ġdid f’Għawdex u l-użu mill-ġdid ta’ partijiet mil-Isptar San Luqa. Din il-pożizzjoni kienet espressa f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-President il-ġdid tal-MUMN Maria Cutajar u membri tal-Kunsill tal-union.
L-MUMN issostni li saret taf bil-pjani għall-bini ta’ sptar ġdid f’Għawdex u għall-użu mill-ġdid tal-Isptar San Luqa ġurnata biss qabel saret il-konferenza tal-aħbarijiet mill-Gvern. Fil-fatt, bħalissa l-union qed tippjana laqgħat mal-Gvern ħalli tikseb l-informazzjoni meħtieġa anke dwar il-possibbiltà ta’ sptar privat fi Smart City.
Il-union għad m’għandhiex informazzjoni dwar fejn se jinħolqu l-1,200 impjieg ġdid li l-Gvern qed jgħid li se jinħolqu f’dan is-settur. Dwar l-Isptar San Luqa, l-MUMN qalet li dan se jkollu 80 sodda għall-pazjenti ta’ riabilitazzjoni, sptar privat ta’ 250 sodda u Fakulta oħra għall-Infermiera.
L-Uffiċjali tal-MUMN sostnew li mhumiex kontra investiment ġdid fis-settur tas-Saħħa, iżda jridu jassiguraw li l-kundizzjonijiet preżenti tal-infermiera u l-qwiebel ikunu garantiti. Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet ma’ Universitajiet Inglizi minn Leeds u Cardiff biex tinfetaħ Università ġdida tal-Infermiera f’Malta.
Il-pożizzjoni tal-infermiera bħalissa hi li kull sena huma meħtieġa 300 infermier fis-sena, meta fil-fatt jidħlu bejn 150 u 180. Din hi waħda mill-aktar sfidi li għandu s-settur tas-Saħħa, sostniet il-President tal-MUMN. Maria Cutajar sostniet li għad irid ikun speċifikat il-mod kif is-settur privat se jkun involut fis-settur tas-Saħħa.
Dwar il-problema ta’ nuqqas ta’ sodod, il-President il-ġdid tal-MUMN qalet li s-settur jeħtieġ madwar 500 sodda oħra biex ilaħħaq mad-domanda.
//= $special ?>