Għawdex Kunsilli Lokali Lokali

Aktar minn 94,000 Dokument tal-Vot għadhom mhux miġbura għar-Referendum u l-elezzjonijiet tal-Kunsilli

Huma aktar minn 47,000 id-Dokumenti tal-Vot għar-Referendum dwar il-Kaċċa fir-Rebbiegħa u kważi l-istess ammont għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li baqgħu ma tqassmux fir-residenzi. Fi stqarrija, il-Kummissjoni Elettorali qalet li fil-każ tar-Referendum id-Dokumenti tal-Vot mhux miġbura jammontaw għal 47,124 (14%), filwaqt li fil-każ tal-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali 47,566 (24.2%).

L-aktar lokalitajiet li għadhom ma tqassmux id-Dokumenti tal-Vot fejn hemm l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali huma San Pawl il-Baħar (12,248 jew 58%), San Ġiljan (5,638 jew 50%), iż-Żebbuġ Għawdex (48%) u s-Swieqi (42%). Issa d-Dokumenti tal-Vot jistgħu jinġabru sas-Sibt, 4 ta’ April li ġej mill-Għases tal-Pulizija jew mill-Uffiċċji tal-Kunsilli Lokali fejn m’hemmx Għassa.

Fis-26, 28, 29, 30 u 31 ta’ Marzu, kif ukoll fl-1 u fit-2 ta’ April, id-Dokumenti jistgħu jinġabru bejn id-9am u s-1pm, kif ukoll bejn is-2.30pm u t-8pm. Fil-jiem tal-Festi tad-Duluri (27 ta’ Marzu) u tal-Ġimgħa l-Kbira (3 ta’ April), id-Dokumenti jistgħu jinġabru bejn id-9am u s-1pm. Fl-aħħar jum, is-Sibt 4 ta’ April, id-Dokumenti tal-Vot jistgħu jinġabru bejn id-9am u s-1pm, kif ukoll bejn is-2.30pm u l-10pm.

Filwaqt li fil-każ tal-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar, id-Dokumenti jistgħu jinġabru mill-Għassa tal-Qawra, fil-lokalitajiet tal-Iklin, Ħal Lija, Marsaskala, Pembroke, Ta’ Xbiex u l-Fontana, id-dokumenti jinġabru mill-Uffiċċji tal-Kunsilli Lokali. Kull persuna trid tieħu magħha l-Karta tal-Identità jew id-Dokument tar-Residenza. L-ebda dokument ieħor ma jista’ jkun aċċettat.

Kull votant għandu jkun żgur li jkollu d-Dokument tal-Vot għax mingħajru ħadd ma jkun jista’ jivvota fil-11 ta’ April li ġej.