Formula 1 Sport

Alonso viċin li jirritorna fil-Malasja

FORMULA 1: Fernando Alonso se jmur il-Malasja għall-Grand Prix li se jsir il-Ħadd 29 tax-xahar wara li għamel testijiet mediċi biex ikun stabbilit jekk irkuprax mill-concussion.

Is-sewwieq tal-McLaren tilef l-ewwel tiġrija tal-istaġun fl-Awstralja fil-15 tax-xahar wara inċident li kellu fil-pre-season testing.

Il-konsulent tiegħu Luis Garcia Abad irrifjuta li jikkonferma rapporti fi Spanja li Alonso ngħata ċertifikat tajjeb wara t-testijiet mediċi.

“Din hi xi ħaġa privata u ma nistax nikkonferma jew niċħad. Imma m’għandix dubji li se jmur fil-Malasja kif kien pjanat.”
Il-ġurnali Marca u As qalu li Alonso sarulu testijiet f’Cambridge dwar il-memorja fuq perjodu qasir u fit-tul.

Alonso kien ħerqan li jagħmel it-testijiet qabel imur il-Malasja din il-ġimgħa biex jaċċerta li ma jkunx hemm problemi bil-pjani tiegħu li jirritorna jsuq.

It-testijiet kienu mmexxija minn bord indipendenti ta’ tliet tobba mill-Università ta’ Cambridge, imwaqqaf mill-FIA bħala panel mediku supplimentari għal meta jkun hemm bżonn.

L-Ispanjol Alonso, darbtejn Champion se jkollu aktar testijiet mal-wasla tiegħu f’Sepang din il-ġimgħa, fosthom test komplet biex ikun aċċertat li rkupra mill-concussion kif ukoll eżami ieħor imsejjaħ ‘impact test’.

Is-sewwieq ta’ 33 sena aktar kmieni matul il-ġimgħa għamel ukoll sessjoni sħiħa fuq is-simulatur tal-McLaren li kkonfermaw li se jimxu fuq il-parir mediku meta jirċevuh.