Internazzjonali

Arkeoloġi Arġentini jiskopru bażi Nażista moħbija f’ġungla

Grupp ta’ arkeoloġi mill-Arġentina sabu dik li qed iqisu fdalijiet ta’ bażi Nażista li kienet moħbija fil-ġungla, qrib il-fruntiera mal-Paragwaj.

L-istrutturi tal-ġebel, issa mirduma minn dwieli ħoxnin u aċċessibbli biss meta mqaċċta minn skieken tat-tip machete, jinkludu muniti Ġermaniżi tal-aħħar nofs tas-snin Tletin, biċċiet ta’ porċellana bil-kitba “Made in Germany” u anke simboli Nażisti fuq il-ħitan.

“M’għandna ebda spjegazzjoni għalxiex xi ħadd ikun irid jibni dawn l-istrutturi, bi sforz u spiża daqshekk kbira, f’żona li f’dak iż-żmien kienet totalment inaċċessibbli, ’il bogħod minn komunità lokali, u b’materjal li ma jaqbilx mat-tip ta’ kostruzzjoni li kienu jibnu f’dawn l-inħawi”, qal il-kap tar-riċerkaturi, Daniel Schavelzon mill-Università ta’ Buenos Aires.

Skont il-leġġenda lokali, fil-ġungla fejn instabu l-fdalijiet tal-bażi Nażista kien jgħix Martin Bormann, l-id il-leminija ta’ Adolf Hitlef li kien neħħa ħajtu b’idejh f’Mejju tal-1945. Schavelzon madankollu qal li m’hemm ebda prova li ssostni din il-leġġenda.

Spjega li fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija, in-Nażisti kellhom proġett sigriet li jibnu moħbiet għall-kapijiet tagħhom f’każ li jitilfu l-gwerra. Dawn kienu fi nħawi inaċċessibbli, f’nofs deżert jew fil-muntanji u anke f’ġungli. Qal li t-teorija tiegħu għad trid tiġi kkonfermata imma kollox jindika li s-sejba hi waħda awtentika.

Spjega wkoll li l-moħba fl-aħħarnett ma kinitx meħtieġa għax wara l-waqa’ tar-reġim Nażisti, il-kapijiet tagħhom kienu milqugħa fl-Arġentina biex jgħixu mingħajr xkiel. Eluf ta’ Nażisti u Faxxisti Kroati, u anke ħafna Taljani, waslu fl-Arġentina bil-barka tal-President Juan Peron, li mexxa lill-pajjiż mill-1946 sal-1955, u mbagħad fis-snin Sebgħin.