Il-ġenituri tat-tifel ta’ ħames snin, Ashya King, li kienu ġew arrestati wara li ħadu lil binhom barra mill-Ingilterra biex jingħata terapija għat-tumur f’rasu, qalu li binhom issa hu ħieles mill-kanċer.
It-tifel ingħata trattament li ma kienx disponibbli permezz tas-servizz tas-saħħa tal-Gvern Ingliż. Il-ġenituri tiegħu qed jgħidu li sar “miraklu” ma’ binhom, hekk kif l-isptar li fih ingħata l-kura ddikkjarah ħieles mill-kanċer.
Omm it-tifel, Naghmeh, li flimkien ma’ żewġha Brett spiċċat imfittxija mill-Pulizija madwar id-dinja wara li ħarġu lit-tifel mill-isptar f’Southampton mingħajr il-kunsens tat-tobba, qalet li din l-aħbar hi inkredibbli. Sostniet li kieku t-tifel baqa’ fl-isptar fl-Ingilterra, sal-lum ma kienx ikun għadu ħaj għax kien iddgħajjef wisq.
Ashya ngħata l-permess li jieħu kura f’ċentru li jispeċjalizza f’terapija partikolari, ta’ proton, fi Praga wara battalja legali twila mill-ġenituri tiegħu.
Missier it-tifel qal li l-kundizzjoni ta’ ibnu tiġġustifika l-azzjoni tagħhom li ħarġuh mill-isptar f’Southampton f’Awwissu li għada, lejn Spanja fejn huma għandhom villeġġjatura. “Salvajnielu ħajtu”, tenna l-missier, waqt li qal li kieku kellhom jerġgħu jgħaddu minn dak l iseħħ, kienu jerġgħu jagħmlu l-istess ħaġa.
Naghmeh u Brett King kienu ġew arrestati fi Spanja u nżammu l-ħabs għal diversi jiem ’il bogħod minn binhom, qabel inħelsu. Iktar tard, imħallef kien approva li Ashya jittieħed fi Praga għal din it-terapija, li l-isptar kien qed iqis li kienet iktar effettiva mit-terapija li kien qed jingħata f’Southampton.
//= $special ?>