Internazzjonali

Barbados jippjana għall-futur bħala repubblika

Il-Prim Ministru ta’ Barbados, Freundel Stuart, esprima l-intenzjoni tiegħu li jibdel din il-gżira tal-Karibew f’repubblika. Għaldaqstant, il-pjan jesiġi biex President ċerimonjali jieħu post ir-Reġina Eliżabetta tal-Ingilterra bħala Kap tal-Istat.

Stuart qal li din il-bidla ‘għandha ssir fil-futur qarib’ waqt li kien qed jindirizza laqgħa ta’ fergħa tal-Partit Laburista Demokratiku (DLP) li qed imexxi Barbados.

Min-naħa tiegħu, George Pilgrim, is-segretarju ġenerali tad-DLP ikkonferma l-iżvilupp u qal li ‘t-tneħħija tar-Reġina’ bħala l-Kap tal-Istat ta’ Barbados għandha jsir fl-istess żmien (fl-2016) meta Barbados ikun qed jiċċelebra l-50 anniversarju tal-indipendenza.

Pilgrim spjega li, f’dan il-każ, jkun irid jitressaq abbozz ta’ liġi lill-Parlament ‘u meta hu mhux qed jistenna l-ostakoli min-naħa tal-Oppożizzjoni’.

F’każ li Barbados jikkonkludi l-proċess, in-numru ta’ pajjiżi tal-Commonwealth li għandhom lir-Reġina bħala Kap ta’ Stat (fosthom l-Awstralja, New Zealand u l-Kanada) għandu jonqos għal erbatax.

Intant, Barbados għandu jżomm ir-relazzjonijiet mal-Monarkija Britannika anki f’każ li jinbidel f’repubblika u dan grazzi għall-isħubija tiegħu fil-Commonwealth.